Saturday 29 November 2014

News Book: 'Huwa ovvju li persuni omosesswali għandhom post fil-Knisja'

http://www.newsbook.com.mt/artikli/2014/11/21/huwa-ovvju-li-persuni-omosesswali-ghandhom-post-fil-knisja.24650/
Yendrick Cioffi - 21/11/14 11:00 PM



M’hemmx għalfejn insaqsu jekk persuni omosesswali għandhomx ikollhom post fil-Knisja. Dan m’għandux ikun ovvju?

Din kienet il-mistoqsija li poġġa r-rappreżentant ta’ Drachma LGBT Chris Vella waqt dibattitu organizzat mill-Għaqda Studenti tat-Teoloġija (Għ.S.T) dwar koppji tal-istess sess u d-definizzjoni tal-familja fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet li seħħ ix-xahar li għadda.

Vella saħaq li fil-Knisja inġenerali hemm bżonn ta’ aktar sensittività u filwaqt li tanalizza bidla fid-diskors għandha tinfetaħ aktar għad-djalogu.

Id-Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija, Fr Emanunel Agius saħaq li l-komunità LGBT trid tirrealizza li l-Knisja qed tilqagħha b’idejha miftuħa.

Spjega wkoll li lingwaġġ dwar il-familja huwa importanti ħafna, għax kif spjegat is-soċjologa Angele Deguara, id-definizzjoni tagħha dejjem qed issir waħda fluwida.

Il-kelliema f’isem il-Partit Laburista Deborah Schembri qalet li mhux biżżejjed li jinbidlu l-liġijiet għax id-drittijiet ċivili qatt ma jistgħu jieħdu post ir-reliġjon. Għalhekk saħqet li fil-Knisja jeħtieġ “tinbidel id-duttrina” biex iż-żewġ partijiet jiltaqgħu.

Dwar dan, il-Psikologu Fr Paul Galea spjega li d-dibattitu fis-sinodu ma kienx bejn id-duttrina u r-realtà. Fakkar kif Kristu ma ġiex iwaqqa’ l-liġi iżda biex jevolviha

Min-naħa tiegħu, ir-rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri, spjega li l-Knisja tikkomunika bil-lingwaġġ u għalhekk jeħtieġ tuża l-lingwaġġ tan-nies u mhux tat-Teoloġija. Saħaq li fl-opinjoni tiegħu fis-sinodu ntuża kliem diskriminatorju.

Waqt id-dibattitu kien hemm qbil li l-attitudni tal-Papa Franġisku qed tgħin ħafna biex il-Knisja tinfetaħ aktar għal din ir-realtà.

Il-panel tmexxa minn Dr Jean-Paul De Lucca, direttur taċ-Ċentru tal-Arti Liberali u x-Xjenza.

Fi tmiem id-dibattitu, il-President tal-Għaqda Studenti Teoloġija ppreżenta rigali lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni An Ethic A Month, li saret fil-Freshers’ Week tal-Università ta’ Malta din is-sena.

No comments:

Post a Comment