Sunday 29 December 2013

iNews Malta: L-adozzjoni bejn koppji gay ixxukjat lill-Papa - Scicluna

http://www.inewsmalta.com/dart/20131229-adozzjoni-bejn-koppji-gay-ixxukjat-lill-papa-scicluna
09:50 | 29.12.2013



F'intervista li ta lit-Times of Malta, l-Isqof Charles Scicluna qal li kellem lill-Papa Franġisku dwar il-liġi tal-unjoni ċivili f'Malta u l-punt li koppji omosesswali se jkunu jistgħu jadottaw. Scicluna qal li din kienet aħbar xokkanti għall-Papa.

Scicluna qal li hu kellu laqgħa mal-Papa fit-12 ta' Diċembru, fejn fiha tkellmu fuq diversi affarijiet fosthom din il-liġi. Scicluna qal li meta wera t-tħassib tiegħu lill-Papa, l-istess Papa inkoraġġih biex jitkellem. Kien għalhekk qal Scicluna li hu tkellem dwar din il-liġi waqt l-omelija tiegħu tal-Milied. Omelija li kienet ikkritikata ferm mis-soċjetà ċivili.

Fil-quddiesa tal-Milied fil-Katidral tal-Imdina, Scicluna qal lil dawk preżenti li “Alla għażel li ibnu stess jiġi mrobbi minn mara u raġel u mhux minn mara u mara jew raġel u raġel.”

Mistoqsi dwar il-fatt li meta l-Papa Franġisku kien mistoqsi dwar il-persuni omosesswali kien qal “Min jien jien biex niġġudika?”. Scicluna qal li meta kien għadu Arċisqof ta' Buenos Aries fl-2010, il-Kardinal Jorge Bergoglio kien akkuża l-liġi għal żwieġ bejn koppji tal-istess sess fl-Arġentina bħala “ix-xogħol ta' Satana biex ikisser il-pjan ta' Alla.” Kien qal ukoll li l-adozzjoni minn koppji gay hija forma ta' diskriminazzjoni kontra t-tfal.

Scicluna żied jgħid li l-omelija tiegħu ma kinitx dwar id-drittijiet ta' persuni omossesswali, iżda dwar id-drittijiet tat-tfal. Qal ukoll li l-Papa qallu li l-Milied mhix xi ħrafa u li għandna niffaċċjaw ir-realtà. Kien dan qal Scicluna li wasslu biex jagħmel dik l-omelija, propju fil-Milied.

Ara wkoll: Alla għażel li ibnu jrabbuh raġel u mara - L-Isqof Scicluna

No comments:

Post a Comment