Monday 18 March 2013

L-Orizzont: Drittijiet ċivili

12.3.13 (?)

Meta sal-bieraħ kien għadu għaddej il-proċess tal-għadd tal-voti fin-Naxxar, kienu bosta dawk li hedew f’ħafna analiżi tas-soltu tar-riżultati miksubin mill-partiti ewlenin fl-Elezzjoni Ġenerali tas-Sibt li għadda. Kif stqarr tajjeb Dr Joseph Muscat mal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru, il-poplu ma bagħatx biss messaġġ qawwi li ried bidla fil-Gvern, imma wkoll li kien xeba’ għal kollox mill-politika tal-imgħoddi li sa qasmet il-pajjiż fi tnejn għal għexieren ta’ snin. Minn meta nħatar Mexxej tal-Partit Laburista, Muscat wera mill-ewwel li ried jagħmel bidla mill-qiegħ u fi kliemu stess ried iwettaq terremot. Kienu ħafna li fl-2008 ddubitaw kemm mill-idea li jseħħ dan it-terremot intern kif ukoll jekk qattx seta’ jseħħ. Iżda llum meta nħarsu lura lejn erba’ snin u nofs ilu qabel ħa t-tmun f’idejh, kulħadd kapaċi jara faċilment il-bidla impressjonanti li ġab dan il-Mexxej f’perjodu relattivament qasir. Il-PL iġġedded mill-qiegħ, sar partit modern, infetaħ aktar għall-ideat tal-poplu u fuq kollox ittrasforma ruħu f’moviment nazzjonali ta’ progressivi u moderati. Għall-ewwel, ftit kienu dawk li fehmu u forsi emmnu bis-sħiħ fil-ħolma ta’ Muscat, inklużi nies fi ħdan l-istess partit li jistqarru li ma fehmux il-bidliet li ried iwettaq dan il-viżjonarju żagħżugħ. Madankollu ma’ kull xahar li beda jgħaddi, rajna l-moviment dejjem jikber u jsir id-dar naturali ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin, inklużi dawk li qatt ma ħolmu li jersqu daqstant qrib il-PL jew inkella l-politika inġenerali. Sar moviment li beda jisma’ sew x’għandhom xi jgħidu n-nies. Fehem l-uġigħ tal-poplu u ta widen bil-fatti lill-minoranzi kollha.


Fost oħrajn, il-komunità LGBT f’pajjiżna sabet fil-Moviment Laburista t-tama għal ġejjieni aħjar fejn mhuwiex biżżejjed biss li s-soċjetà tittollera d-diversità, iżda li kien wasal iż-żmien li pajjiżna jilleġiżla favur id-drittijiet ta’ tali persuni, waqt li, min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma fehemx il-ħsus tagħhom. Dan lanqas biss kellu r-rieda politika li jgħaddi l-Liġi tal-Koabitazzjoni minkejja li kienet ilha mwegħda s-snin. Kien biss lejn l-aħħar tal-leġiżlatura li l-PN ipprova jagħmel xi ħaġa, imma kompla jumilja b’abbozz ta’ liġi mill-aktar diżappuntanti li lanqas biss kien ikopri l-livell minimu ta’ għarfien aċċettabbli fis-soċjetà tal-lum. Ressaq abbozz li kien jistma lil tali persuni biss bħala aħwa u, meta ressqu, il-Ministru Chris Said ukoll għamilha ċara li l-koppji tal-istess sess “ma kinux familji”. Tali stqarrija weġġgħet lil bosta u kompliet tikxef beraħ l-ipokresija tal-PN fil-qasam tad-drittijiet ċivili wara li l-maġġoranza tad-deputati tiegħu vvotaw kontra d-divorzju f’pajjiżna. Bir-raġun kollu li l-komunità LGBT lokali resqet eqreb tal-Moviment immexxi minn Joseph Muscat, li fil-manifest elettorali tiegħu wiegħed l-unjoni ċivili bejn koppji tal-istess sess.
Dan kien biss qasam wieħed fejn il-PN ma qarax is-sinjali taż-żminijiet… min-naħa l-oħra l-PL ma beżax iwiegħed qabża storika bħal din u ninsabu konvinti li l-Gvern ġdid Laburista ma jdumx ma jilleġiżla favur dritt ieħor ċivili li jitniżżel mal-kisbiet enormi li ġabu Gvernijiet preċedenti Laburisti fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

No comments:

Post a Comment