Monday 12 November 2012

NewsBook: ESKLUSSIVA: Kampanja kontra l-ħatra ta’ Tonio Borg bħala Kummissarju Ewropew

http://www.newsbook.com.mt/artikli/2012/11/9/esklussiva:-kampanja-kontra-l-hatra-ta%27-tonio-borg-bhala-kummissarju-ewropew.1276
Josianne Camilleri | 09/11/2012



Fil-Parlament Ewropew, grupp favur persuni omosesswali qed iħeġġeġ lill-membri tiegħu biex jopponu l-ħatra tal-Ministru Tonio Borg bħala Kummissarju Ewropew. F’dokument t’erba’ paġni, il-grupp jgħid li l-fehmiet tal-Ministru Malti dwar l-abort, l-omosesswalita’ u d-divorzju huma konservattivi u ma jgħoddux għaż-żminijiet tal-lum. Skont l-‘Intergroup on LGBT Rights’ fi ħdan il-Parlament Ewropew, il-fatt li Dr Borg għandu opinjoni ċara dwar dawn it-temi, jista’ itellfu milli jkun Kummissarju imparzjali fir-responsabbilta’ tiegħu għas-saħħa pubblika.

Fid-dokument li tqassam fi Brussell, u li NEWSBOOK għandu kopja tiegħu, il-grupp jallega li minħabba li Dr Borg kemm il-darba ħa pożizzjoni kontra l-abort u kontra d-divorzju, dan jista’ jaffetwa l-ħidma tiegħu bħala Kummissarju Ewropew dwar is-saħħa. Dan minħabba li l-portafoll jinkludi r-riċerka fil-qasam tas-saħħa, l-aċċess indaqs għall-kura, l-edukazzjoni fis-saħħa u kampanji ta’ prevenzjoni kontra l-mard trasmess sesswalment.

Intant id-dokument li qed jitqassam fi Brussell kontra l-ħatra ta’ Tonio Borg, jgħid li Dr Borg kien wieħed minn 11 il-membru parlamentari li vvutaw kontra l-liġi tad-divorzju wara r-referendum tal-2011. Dan filwaqt li jallega li l-Ministru ipprova jdgħajjef din il-liġi qabel daħlet fis-seħħ.

Dwar l-abort u l-fertilizzazjoni medikament assistita (IVF), il-grupp jikkritika l-appoġġ ta’ Tonio Borg lill-organizzazjoni Gift of Life. Din taħdem kontra l-abort u favur il-protezzjoni tal-embrijuni mill-bidu nett tal-ħajja. Jikkritika wkoll il-fatt li bħala Ministru tal-Ġustizzja, Dr Borg appoġġja l-pożizzjoni li t-tarbija li jkun għadha ma twelditx tkun imħarsa bil-liġi.

Filwaqt li jagħti dawn ir-raġunijiet, il-grupp Ewropew saħansitra jiggwida lill-membri tiegħu dwar kif għandhom jagħmlu biex iwaqqfu lil Dr Borg milli jinħatar Kummissarju Ewropew. Dan billi fost l-oħrajn jippreżentaw id-dubji tagħhom lil membri tal-Kumitat dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurta’ tal-Ikel li se jkunu qed jagħmlu l-mistoqsijiet lil Tonio Borg waqt is-smiegħ ta’ nhar it-Tlieta.

Wara r-riżenja ta’ John Dalli minn Kummissarju Ewropew, il-Ministru Tonio Borg kien nominat mill-Prim Ministru għal din il-kariga għas-sentejn li ġejjin. Nhar it-Tlieta, fi Brussell se jsir smiegħ ta’ tliet siegħat (3pm-6pm) li matulu Dr Borg ikun mistoqsi dwar il-kapaċitajiet u l-pjani tiegħu biex jieħu f’idejh din ir-responsabbilta’ ġdida.

No comments:

Post a Comment