Monday 3 September 2012

iNews Malta: Iva Familji!

http://inewsmalta.com/dart/20120831-iva-familji
08:29 | 31.08.2012 minn Cyrus Engerer

Koppji tal-istess sess, kemm bit-tfal jew mingħajr, huma familja u għandhom id-dritt għal ħajja privata u tal-familja tagħhom.

L-istqarrija tal-Ministru Chris Said hi prova oħra ta’ kemm il-Gvern konservattiv GonziPN hu maqtugħ mir-realtà u mhux infurmat dwar l-iżvillupi li qegħdin iseħħu fil-qasam tal-familja fl-Ewropa. Fil-fatt, f’diversi deciżjonijiet, fosthom fil-każ Schalk & Kopf v L-Awstrija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem permezz ta’ Obiter Dictum qalet li koppji tal-istess sess jiffurmaw familja u li għandu jkollhom id-drittijiet fundamentali bħal kull familja oħra permezz ta’ Artiklu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Hu ta' tħassib meta tisma’ stqarijjiet ta’ din ix-xorta mill-Ministru li hu inkarigat mill-familja, għax ix-xogħol tiegħu hu li jissalvagwardja l-interessi tal-familji kollha Maltin u Għawdxin. Bħala Minsitru tal-Ġustizzja, l-istess Ministru Said, għandu jaħdem biex pajjiżna jistma lil kull individwu u familja bl-istess mod, kif inhu xieraq. Wisq iktar, hu mistenni li l-Ministru li ġie imbuttat minn Lawrence Gonzi bħala l-Ministru ‘stilla’, liberali u progressiv ma jiddiskriminax fid-diskors tiegħu abbażi tal-orjentazzjoni sesswali.

X’differenza bejn minn jilbes biss il-maskra ta’ progressiv u min hu veru progressiv u liberali. Fis-27 ta’ Mejju li għadda, fil-Kalkara, il-mexxej Laburista Joseph Muscat tkellem dwar familji LGBT u saħaq li, iva, koppji tal-istess sess huma familji u li l-istat ma jistgħax jibqa’ jħalli familji LGBT jitkissru migħajr rikonnoximent.

Intant, hu biss il-Partit Laburista fil-Parlament, li permezz tad-diskors ta’ Joseph Muscat, b’reazzjoni għal miżuri tal-baġit li għadda, ppropona b’mod car li Gvern ġdid se jkun qiegħed jagħti l-istess drittijiet u opportunitajiet lill-familji LGBT permezz ta’ liġi li tintroduci Unjoni Ċivili għall-koppji tal-istess sess.

Is-sesswalità hi rrelevanti. Familja hi maqgħuda flimkien permezz tal-imħabba li kull membri tagħha jkollhom lejn xulxin.

No comments:

Post a Comment