Friday 23 March 2012

DOI: SE JITRESSAQ ABBOZZ TA’ LIGI DWAR IR-REATI KONTRA PERSUNI ABBAŻI TA’ ORJENTAZZJONI SESSWALI

Department of Information: PR0500, 2.3.2012.
3, CASTILLE PLACE, VALLETTA VLT 2000
Tel +(356) 2200 1700 Fax +(356) 2200 1775
press.releases@gov.mt, www.doi.gov.mt

L-emendi għal-Liġi dwar il-Persuni b’Diżabilità jgħaddu mill-istadju ta’ Kumitat
L-emendi għal-Liġi dwar is-Sigurtà Soċjali jidħlu fis-seħħ fis-27 ta’ Marzu


Nhar it-Tnejn li ġej il-Gvern se jressaq fil-Parlament abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali (Kap 9) sabiex jistabbilixxi bħala reati kull tip ta’ vjolenza - inċitament, approvazzjoni, inġurja, abbuż verbali u vjolenza aggravata – fil-konfront ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identità tal-ġeneru u/jew orjentazzjoni sesswali.

Permezz ta’ Avviż Legali 81 tal-2012 li se jiġi ppubblikat illum fil-Gazzetta tal-Gvern, se tiġi stabbilita d-data tas-27 ta’ Marzu 2012 meta se jinġiebu fis-seħħ l-emendi għall-Att I (2012) dwar is-Sigurtà Soċjali li ġew approvati mill-Parlament fil-jiem li għaddew.

Sadanittant l-Att biex jemenda Liġijiet Varji (Materji dwar id-Diżabilità) li fost l-oħrajn għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità), għadda mill-istadju ta’ Kumitat fil-Parlament u għaldaqstant jonqos biss it-Tielet Qari.

Dettalji dwar dan kollu ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said.

L-emendi għall-Kodiċi Kriminali li jistabbilixxu atti ta’ omofobija bħala reati

L-emendi għall-Kodiċi Kriminali li jistabbilixxu bħala reati kull tip ta’ vjolenza fil-konfront ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identità tal-ġeneru u/jew orjentazzjoni sesswali, diġà kienu diskussi u approvati mill-Kabinett tal-Ministri. Aktar kmieni dan ix-xahar il-Prim Ministru kien ta struzzjonijiet u talab li ssir reviżjoni tal-liġijiet tal-pajjiż u jittieħdu miżuri legali min-naħa tal-Gvern kontra l-omofobija. Il-Ministru Chris Said spjega li hu ltaqa’ u żamm kuntatt ma’ rappreżentanti tal-Malta Gay Rights Movement. Il-proposti li oriġinarjament kienu tressqu minn rappreżentanti tal-MGRM kienu eventwalment mirquma mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Il-Gvern jemmen fid-diversità u fl-inklużjoni u permezz ta’ dawn l-emendi qed jassigura li l-ebda persuna jew gruppi ta’ persuni ma jkunu diskriminati jew addirittura vittmi ta’ abbuż jew vjolenza, minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Il-messaġġ li qed inwasslu lis-soċjetà tagħna hu wieħed: “irridu soċjetà li tirrispetta lil persuna sħiħa, hi min hi u tkun xi tkun, ikun xi jkun il-kulur tal-ġilda tagħha u tkun xi tkun l-orjentazzjoni tagħha”.
L-artikli li qed jiġu emendati huma 82(A), 82(C), 83(B), 222(A), 251(D) u 325(A).

Il-Kabinett tal-Ministri approva wkoll emenda għal Artiklu 6 tal-Liġi dwar l-Istampa (Kap248) li permezz tagħha kull min jinsulta jew jinċita mibegħda billi jikteb kontra persuna jew gruppi ta’ persuni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali, jista’ jeħel sa tliet xhur ħabs u multa.

L-Att li jemenda Liġijiet Varji (Materji dwar id-Diżabilità)

Permezz tal-Att biex jemenda Liġijiet Varji (Materji dwar id-Diżabilità), il-liġijiet ta’ Malta se jiġu konformi mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, sabiex Malta tkun tista’ tirratifika din il-Konvenzjoni. Barra minn hekk se tkompli tissaħħaħ il-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) sabiex jiġu salvagwardjati b’mod aktar effettiv id-drittijiet tal-persuni b’dizabilità kontra diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabilità u anke biex din il-Ligi tigi konformi kemm mal-Konvenzjoni kif ukoll mad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar Diskriminazzjoni fuq il-Post tax-Xoghol.

L-Att jirrigwarda emendi fil-Kodiċi Ċivili, fil-Kodici dwar Organizazzjoni u Proċedura Civil (KOPC), u l-Liġi Opportunitajiet Indaqs.

Fost l-oħrajn se tinbidel terminoloġija li llum il-ġurnata hi kkunsidrata offensive. B’konformità mal-Konvenzjoni it-terminu "diżabilità" se tfisser nuqqas fiżiku, mentali, intellettwali jew sensorju għal żmien twil li flimkien ma’ ostakli diversi, jista’ jillimita lil persuna milli tipparteċipa b’mod sħiħ u effettiv fis-soċjetà b’mod ugwali daqs l-oħrajn.

Bidla oħra importanti hafna fil-KOPC hi li se tidħol sistema li permezz tagħha, ix-xogħol ta’ kuratur (ta’ persuni li huma interdetti jew inkapaċitati) se jkun rivedut kull tant żmien mill-Qorti u għalhekk, kuntrarju għal dak li jiġri bħalissa, ikun hemm mezz sabiex isir assessjar u kontroll tal-kuratur, u għalhekk ikun jista’ jiġi kkontrollat potenzjal ta’ abbuż tal-persuna li tkun interdetta jew inkapaċitata. Din il-bidla hija importanti fid-dawl ta’ Artiklu 12 tal-Konvenzjoni (L-għarfien ugwali quddiem il-ligi).

L-emendi se jassiguraw ukoll li organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità se jkunu jistgħu jtellgħu każijiet il-Qorti huma stess. Fl-istess ħin il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità ġiet identifikata bħalha l-mekkaniżmu indipendenti li se tippromwovi, tipproteġi u timmoniterja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, kif mitlub minn Artiklu 33 tal-istess Konvenzjoni.

Barra minn hekk bħalissa qed titfassal leġizlazzjoni dwar il-Guardianship (Kustodja).

Att Nru I tal-2012 biex jemenda diversi dispożizzjonijiet tal-Att dwar is-Sigurta Soċjali

Permezz ta’ dawn l-emendi li se jidħlu fis-seħħ fis-27 ta’ Marzu li ġej, se titwessa l-lista ta’ kundizzjonijiet mediċi li ma kienux imdahhla fix-Schedule V biex b’hekk ikunu jistgħu jingħataw b’xejn il-mediċini specifikament għal dik il-kundizzjoni medika partikolari. Il-lista tinkludi aktar minn 40 kundizzjoni ġdida li qed jiddaħlu għall-ewwel darba inkella qed jiġu speċifikati f’aktar dettall, fosthom dementia, mard kroniku fil-fwied, mard kroniku fil-kliewi u mard ieħor relatat mas-sistemi diġestivi, mas-sistemi respiratorji, tal-qalb, fl-għajnejn u tal-ġilda.

Dawk il-persuni li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar 1962 u li jkunu aċċettaw li jgawdu minn skemi ta’ irtirar kmieni wara l-1 ta’ Jannar 2008, u kienu jaħdmu f’dawk l-entitajiet fejn il-Gvern kien is-sid tagħhom jew kellu fihom l-maġġoranza ta’ l-ishma, qed jingħataw l-assigurazzjoni li l-pensjoni tal-irtirar jew tal invalidità tagħhom tinħadem fuq il-medja tal-aħjar salarji tal-aħħar tlett snin jew skont dak id-dħul pensjonabbli (medja tal-aħjar salarji tal-aħħar tlett snin) maħdum fuq is-salarji ta’ qabel irtirar bl-iskema, skont liema dħul pensjonabbli jkun l-ogħla.

Emenda oħra se tagħti ċ-ċans lil dawk il-persuni li kienu f’xi ordni religjuża u li ma baqgħux membri f’din il-komunita li jħallsu il-kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali b’lura, b’rata stabilita għall dak il-perjodu li fih kienu jgħixu fil-komunita, u li għalih l-istess komunita ma ħallsitilhomx.

Fl-aħħarnett, emenda għal Artiklu 106 se taħseb għall-ħatra ta’ panel multi-dixxiplinarju bil-għan li dan jagħti parir lid-direttur dwar aspetti psiko-soċjali dwar każijiet fejn ikun hemm talba fir-rigward tal-invalidita jew talba għal għajnuna soċjali. Dan il-panel għandu jikkonsisti kif ġej: (i) psikjatra; (ii) psikologu; (iii) occupational therapist u (iv) social worker.

No comments:

Post a Comment