Saturday 9 July 2011

It-Torċa: Kelma lil "Mhux f'Isimna"

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=11879
3.7.11 minn Fr Mark Montebello

Il-gimga l-oħra tħabbar it-twaqqif ta' grupp, bl-isem "Mhux f'Isimna", li l-għan ewlieni tiegħu hu li jħeġġeġ awto-skomunika kollettiva mill-komunjoni tal-Knisja Kattolika. Dan ifisser li, lil min jagħmel talba formali l-Kurja, il-Knisja uffiċjalment tirreġistrahom li temmew is-sħubija tagħhom mill-Knisja u, għaldaqstant, m'għadhomx Kattoliċi.

Raġunijiet ideoloġiċi

Għalkemm ħafna drabi nisimgħu bl-iskomunika bħala kastig, f'dan il-każ mhijiex. Hija għażla ta' individwu li jiddeċiedi li, barra li ma jibqax jipprattika r-reliġ-jon Kattolika, uffiċjalment ma jibqax aktar parti mill-Knisja. Skont id-Dritt Kanoniku, dan isir billi jagħmel ittra lill-Kurja fejn jiddikjara li ħalla l-Knisja Kattolika u jitlob li ssir nota fir-reġistrazzjoni tal-magħmudija tiegħu (fil-parroċċa ta' fejn tgħammed) dwar din id-deċiżjoni. Fil-każ ta' "Mhux f'Isimna", din id-deċiżjoni jidher li se ssir minn għadd ta' persuni simultanjament.

Ir-raġunijiet għal deċiżjoni bħal din jistgħu jkunu bosta. Għalkemm bosta drabi ħaġa bħal din issir għal raġunijiet duttrinali, f'dan il-każ jidher li qiegħda ssir għal raġunijiet ideoloġiċi, fis-sens li dawn l-individwi ma jaqblu xejn mal-viżjoni kumplessiva tal-Knisja, għall-anqas kif imħaddna bħalissa fil-gżejjer Maltin.

'Aħna ma rridux nibqgħu aktar imsieħba b'ebda mod mal-Knisja Kattolika,' stqarrew xi rappreżentanti tal-grupp, 'Għalina hija istituzzjoni bi storja twila ta' prattiċi ħżiena li jikkaratterizzawha bħala l-kontra ta' kenn morali u progressiv għas-soċjetà.'

Kampanja għal-libertà

Din id-deċiżjoni ssaħħet wara l-kampanja referendarja li għaddiet. 'Din mhijiex kam-panja kontra l-fidi,' stqarriet "Mhux f'Isimna", 'Hija kam-panja għal-libertà. Ma rridux nibqgħu nitqiesu parti minn dak in-numru li jinġieb bħala skuża għall-promozzjoni tal-miri politiċi tal-Knisja.'

'Mhux veru," kompliet tgħid, 'li 98% tal-Maltin huma Kattoliċi. Mhux veru li biex tkun Malti trid tkun Kattoliku. Mhux sewwa li jibqa' jeżisti Artiklu 2 ta' Kostituzzjoni ta' Malta (li jiddikjara r-reliġjon Kattolika bħala r-reliġjon tal-gżejjer Maltin). Mhux sewwa li l-Knisja tibqa' tgawdi privileġġi statati fl-edukazzjoni, il-liġi, il-politika u l-kultura. Mhux sewwa li l-ideoloġija Kattolika tibqa' tkun imposta fuq kulħadd.'

Dawn huma kliem qawwijin li jidher li qegħdin jitolbu r-rikonoxximent uffiċjali u pubbliku ta' stat ta' fatt: li l-maġġoranza tal-Maltin m'għad-homx Kattoliċi, jekk mhux fl-isem, għall-anqas fil-prattika. Huma kliem li ma jistgħux ma jġegħlux lil min iqis lilu nnifsu Kattoliku, fl-isem u fil-prattika, jitħasseb ħafna.

Sejħa oħra minn Alla

L-ewwelnett, min-naħa tiegħi qalbi toħroġ lejn il-ġenituri ta' dawn l-individwi li ddeċidew li jiċħdu s-sħubija Kattolika tagħhom. Nista' nimmaġina d-dulur li jistgħu jħossu bid-deċiżjoni ta' wlied-hom.

It-tieni, minkejja li bl-ebda mod ma nista' naqbel ma' din id-deċiżjoni, nista' nifhem ir-raġunijiet serji li wasslu għaliha. Filwaqt li nammira l-kuraġġ ta' min ħadha, nagħli li twasslu sa dan il-punt tant drastiku.

It-tielet, nixtieq ngħid lil min ħa d-deċiżjoni li jinqata' mill-Knisja Kattolika li jien nirrispetta għal kollox id-deċiżjoni tagħhom. Kienu u jibqgħu ħuti u ħbieb tiegħi. Ħaġa bħal din ma tifridniex fuq livell uman jew spiritwali.

Ir-raba', inħoss li din id-deċiżjoni għandha tkun sejħa oħra għall-Kattoliċi Maltin u Għawdxin biex jirriflettu bil-qawwa fuq l-ideoloġija tal-Knisja tagħhom f'dawn il-gżejjer. F'ċirkostanzi bħal

dawn, ma jiswa xejn li nikkundannaw lil min ħa deċiżjoni bħal din, lanqas li ninjorawhom, mingħajr ma ndawru ħarsitna fuqna nfusna u nistħarrġu sewwa x'għandha tgħidilna.

Bħalma għedt drabi oħra, dan hu mument kruċjali ta' delikatezza kbira għall-Knisja Kattolika fil-gżejjer Maltin. Ma nistgħux inkunu superfiċjali.

Jeħtieġ li nagħtu widen għal x'inhu jgħidilna l-Ispirtu s-Santu. Dan hu dmir tagħna, mhux biss quddiem Alla, imma wkoll quddiem is-soċjetà li ngħixu fiha.

No comments:

Post a Comment