Monday 14 March 2011

Mons. Mario Grech: Omelija: Infittxu l-Verità dwar Iż-Żwieġ

Fl-okkażjoni tal-festa tal-Papa San Girgor li kienet iċċelebrata f’Kerċem nhar il-Ħadd 13 ta’ Marzu 2011, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali u fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

Id-diskussjoni li għaddejja dwar in-natura taż-żwieġ tissuponi li qegħdin infittxu l-verità dwar iż-żwieġ.

Huwa fatt li soċjetà tkun isserraħ fuq pedamenti veri daqskemm tkun miftuħa għal Alla. Aktar ma nitbiegħdu minn Alla, aktar nieħdu pożizzjonijiet li jkunu ’l bogħod mis-sewwa. Min jeskludi lil Alla, jirriskja li jeskludi wkoll il-verità.

Alla ħaseb iż-żwieġ bħala rabta dejjiema bejn mara u raġel. Kull definizzjoni oħra ta’ żwieġ hija gidba.

Il-verità hija kategorija politika għaliex il-bniedem ma jistax jibni s-soċjetà fis-sod jekk mhux fuq il-verità. Id-dittaturi rnexxew għax ħaddnu ideoloġiji foloz. In-nuqqas ta’ rispett lejn il-verità jikkawża l-inġustizzja. Kif jikteb il-Papa Benedittu XVI, id-diskussjoni li twitti t-triq għall-formazzjoni tal-liġijiet ma tistax ma tkunx imsieħba minn tiftix dwar x’inhi l-verità. Huwa fatt li xi politiċi jħossuhom skomdi quddiem il-verità.

Hemm żewġ possibilitajiet kif il-bniedem jasal għall-verità. Għall-Insara hemm il-Liġi Divina miktuba fl-Iskrittura, waqt li dawk li ma għandhomx il-fidi jistgħu permezz tar-raġuni jaslu biex jiskopru l-verità li hemm miktuba fin-natura umana.

Hekk il-verità dwar iż-żwieġ, għal min jemmen jaf li Ġesù għallem b’mod ċar li ż-żwieġ huwa rabta dejjiema; u għal dawk li ma għandhomx fidi imma jużaw biss r-raġuni, il-liġi divina naturali mnaqqxa fil-qalb ta’ kull bniedem tgħid li r-rabta taż-żwieġ naturali ma tinħall qatt.

Huwa minnu li l-pożizzjoni tan-Nisrani hija “konfessjonali”, imma b’daqshekk mhix “irrazzjonali”. Għall-kuntrarju, in-Nisrani jkun “irrazzjonali” jekk jafferma ħwejjeġ li jmorru kontra dak li tgħid ir-raġuni umana! Il-bniedem ma jistax jilgħab mal-liġi t’Alla, kemm dik naturali kif ukoll dik pożittiva.

No comments:

Post a Comment