Thursday 17 March 2011

It-Torċa: Is-suwiċidji tal-‘gays’

Mill-Paġna ta' Fr Colin ippubblikata fil-ħarga ta' It-Torċa tal-Ħadd, 13 ta' Marzu 2011
(S'issa ghadha mhix on-line)

Fr Colin,

GĦADNI kif smajt bl-aħbar ta’ ħabib tiegħi li qatel lilu nnifsu b’overdose għax ma felaħx jgħix iżjed bil-kritika li kellu minn nies tal-knisja. Kien omosesswali u kien jipprova jaħbi u ma jgħid lil ħadd. Kien iżomm kollox ġo fih u fl-aħħar ma setax jibqa’ jgħix iżjed dejjem bl-istress u jħossu mwarrab minn kulħadd.
Jien kont l-ikbar ħabib tiegħu u kien jgħidli bid-dwejjaq u d-dipressjoni li kien jinsab fiha. Għedtlu jmur ikellem lil saċerdot – mar... u iktar ħareġ iħossu agħar minn qabel. Il-qassis qallu li huwa marid, li hu ‘gay’ mhux għax twieled hekk imma għax irid. Beda jħossu iktar li ħadd ma jista’ jifhmu u s-solitudni wasslitu biex ineħħi ħajtu.
Xeba’ jgħix u ddeċieda li jgħid daqshekk.
Fr Colin, ma taħsibx li l-Knisja taħti ta’ dan kollu? Min ħoloq dan il-preġudizzju kontra l-gays u tagħmlulhom ħajjithom disperament kontinwu? Min jgħidilhom li qegħdin jgħixu fid-dnub u huma misħuta minn Alla?
Nixtieqek tikkummenta fuq din l-istorja tal-ħabib tiegħi għax ma rridx li jkun hemm traġedji oħra bħalu minħabba fl-intolleranza u l-ġudizzji tal-Maltin.


Ħabib imweġġa’ ħafna

************

Fr Colin iwieġeb

Kull suwiċidju huwa eżami tal-kuxjenza ta’ kulħadd

Iva, inħossni wkoll ħati ta’ dan is-suwiċidju.
Nista’ nagħmel iżjed biex ngħin lil dawk li jridu jisimgħuni dwar xi tfisser preġudizzji, ġudizzji u kundanni.
Nista’ nagħmel iżjed biex insemma’ l-leħen ta’ min hu f’minoranza u mwarrab mis-soċjetà.
Diżgrazzjatament, anki n-nies tal-Knisja jgħixu f’din id-dinja mimlija preġudizzji u injoranza u jekk ma nħallux il-valuri ta’ Kristu jmexxuna naqgħu aħna wkoll fil-ġudizzji kulturali u l-kundizzjonamenti tas-soċjetà.
Is-suwiċidju huwa dejjem traġedja, kbira, personali, l-ewwel, imbagħad traġedja għal dawk kollha viċini: l-omm u l-missier, l-aħwa, iz-zijiet, il-familji nvoluti u l-ħbieb li faċli jibqgħu jħarsu u jitħassru u ma jagħmlu xejn.
Kull suwiċidju huwa sejħa għall-eżami tal-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna...
Meta nidhru quddiem Alla għandna ħafna xi nwieġbu għal dawk ħutna li huma mwarrba, bla drittijiet, u meqjusa bħala morda u mhux normali.

No comments:

Post a Comment