Thursday 7 October 2010

L-Orizzont: Adozzjoni minn LGBT

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=66643
5.10.10 minn GABI CALLEJA, MGRM

Sur Editur,

F’artiklu ppublikat fis-27 ta’ Settembru, 2010, Kevin Mercieca ttratta s-suġġett tal-adozzjoni tat-tfal minn persuni LGBT. Għamel diversi asserzjonijiet fosthom li fa­mil­ja fejn il-koppja hi tal-istess sess ma tikkostitwix amb­jent normali, kif ukoll li dawn il-familji jkollhom effett negattiv fuq it-tfal. Ir-riċerka qiegħda dejjem turi li dak li qal is-Sur Mercieca, fil-verità, mhux minnu. Il-fatt hu li tfal li jitt­rab­bew f’familji fejn il-koppja hi tal-istess sess jiżviluppaw bl-istess mod ta’ tfal imrobbijin minn koppja eterosesswali. Għalkemm fa­mil­ji fejn il-ġeni­tu­ri tal-istess sess mhumiex daq­shekk komuni, ma jfissirx li l-ambjent ta’ darhom mhux­ nor­mali u lanqas li wliedhom se jkunu b’xi mod żvan­taġġ­ja­ti.

Punti importanti li qajjimt waqt il-programm “Sfera” li għalih irrefera s-Sur Mercieca hu li dawn il-familji diġà jeżistu. Persuni LGBT m’għan­d­­hom bżonn tal-ebda leġiż­lazz­joni biex isiru ġenituri. Hi dejjem deċiż­joni tal-individwu jew tal-koppja, hekk kif inhi għal persuni jew koppji eterosesswali. L-ebda stat ma jista’ jinnega din il-possibilità liċ-ċittadini LGBT mingħajr ma jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Il-kwistjoni tal-adozz­joni, l-aktar dik li nsejħu ‘second parent adoption’ hi għalhekk bżonn li toħ­roġ minn din ir-realtà. La l-Istat ma jistax jisterilizza lil kull persuna LGBT li tixtieq li jkollha t-tfal jew li joħroġ ‘care order’ fuq tfal imwelldin lil ġenituri LGBT sempliċement għax huma LGBT, l-unika soluzzjoni li verament tħa­res l-interessi tat-tfal f’din iċ-ċirkostanza hi li l-Istat jirrikonoxxi l-persuni li qed irabbu lil dawn it-tfal. Din tin­volvi li l-ġenitur mhux bijo­lo­ġi­ku, ikun jista’ jadotta t-tfal tal-‘partner’.

Liġi bħal din hi importanti biex tħares il-jeddijiet ta’ dawn it-tfal, kemm fil-ħajja ta’ kuljum kif ukoll f’okkaż­jonijiet straordinarji. Pere­żem­p­ju jekk it-tfal jiġu bżonn kura medika waqt li l-ġenitur bijoloġiku jinsab imsiefer; jew anke sempliċement biex iku­nu jistgħu jiġbru t-tfal mill-is­ko­la u jattendu attivitajiet mar­butin mal-edukazzjoni tat-tfal. Fil-każ li jkunu ma jifil­ħux, il-ġenitur mhux bijoloġiku ma jkunx intitolat għal Urgent Family Leave, għad-detriment tat-tifel jew it-tifla.

Għalhekk, waqt li kul­ħadd għandu dritt għal opinjoni, jekk verament nemmnu li l-interess tat-tfal jiġi l-ewwel, allura l-adozzjoni tat-tfal minn persuni LGBT hi sempliċement konsegwenza naturali tal-eżistenza ta’ dawn il-fa­milji, bl-ebda mod kon­­­tro­vers­ja­li, u li din il-leġiż­lazz­jo­ni għandha tiddaħħal illum qabel għada.

No comments:

Post a Comment