Sunday 25 July 2010

Mons. Mario Grech: Il-Kulturi għas-Servizz tal-Verità

Sintesi tal-omelija ta' Mons Isqof Mario Grech [Isqof t'Għawdex] fl-okkażjoni tal-festa ta' San Ġorġ Martri, Rabat, Għawdex - Il-Ħadd 18 ta' Lulju 2010.

Fl-Ewropa qed nassistu għal konfront bejn il-kultura Kristjana u dik Illuminista. Għalkemmr-razzjonalità xjentifika kienet kawża ta' kisbiet importanti, huwa veru wkoll li meta l-iżvilupp xjentifiku ma jkunx imsieħeb minn żvilupp morali, il-ħila tal-bniedem xi drabi tista' tkun qerrieda.

Infatti fl-Ewropa qed ngħixu fi żmien ta' skwilibriji kbar: min hu mejjet fis-sakra u min hu mejjet għal qatra! Il-kbir aktar qed isir b'saħħtu, anke politikament, u ż-żgħir aktar qed isir dgħajjef. Għandna min hu reliġjuż fanatiku u min qed jgħix l-ateiżmu prattiku.

Billi l-bniedem għaraf il-qawwa tar-raġuni, imma fl-istess hin mhux konxju tal-limiti tal-istess raġuni, huwa kapaċi jasal biex jagħmel manipulazzjoni tan-natura:

billi kixef il-mappa ġenetika tiegħu nnifsu, illum l-bniedem kapaċi "joħloq" il-bniedem fil-laboratorju skont il-gosti u l-ħtiġijiet tiegħu!

Apparti li l-għerf uman wassal biex il-bniedem joħloq frott ġenetikament modifikat, huwa wkoll fatt li minħabba motivi ekonomiċi, il-bniedem jaf jeqred l-istess frott tal-art! Huma l-istituzzjonijiet li jitolbu li jintrema l-frott biex ma jaqax il-prezz tas-suq! L-istess ħaġa ġieli tiġri fejn jidħol is-sajd, u x'aktarx li minħabba prassi bħal din l-aktar li jbati huwa ż-żgħir.

Ir-raġunar tagħna qed jgħidilna li nistgħu nilagħbu bl-istituzzjonijiet naturali, bħalma huwa ż-żwieg u l-familja, u nippromovu stili ta' ħajja li jmorru kontra l-istess natura umana.

Dan kollu qed iseħħ għax l-enerġija umana mhix akkumpanjata minn enerġija etika u morali. Mhux biss iddgħajfet il-morali personali, imma qed tgħib il-morali pubblika. Ir-raġuni dejqa mbuttat kultura li b'mod verament ineditu fl-istorja tal-umanità qed teskludi lil Alla mill-kuxjenza pubblika.

F'pajjiżna sikwit nisimgħu eku ta' din il-kultura sekularista ċinika meta direttament jngħad li Alla m'għandux jidħol meta qed jiġu diskussi temi umani u soċjali. L-istess diskors jingħad indirettament meta ċ-ċittadin Nisrani jsib ruħu eskluż mid-dibattitu pubbliku sempliċement għax ir-raġuni tiegħu hija mgħejjuna mid-dawl tal-fidi fi Kristu. Dan kollu f'soċjetà Illuminista li tiftaħar li maż-żmien kisbet drittijiet fundamentali kbar, bħalma huma d-dritt tal-espressjoni u d-dritt għal-libertà reliġjuża!

Mhux ir-riferiment għal Alla li għandu jbeżża', imma t-tentattiv li hemm fl-Ewropa u fostna biex ikollna soċjetà li assolutament tbarri lil Alla. Min joqtol lil Alla, joqtol lill-bniedem!

Il-Martri tal-Kappadoċja, San Ġorġ, fi żmien id-dekadenza tal-Imperu Ruman meta l-imperatur għamel lilu nnifsu alla, stinka biex jerġa' jagħti ċittadinazza lil Alla fil-belt ta' Nikomedija. Illum ukoll, iċ-ċittadin Nisrani għandu din ir-responsabiltà li jgħin lis-soċjetà kontemporanja tagħmel spazju għal Alla, għax kif jgħid Kristu hija l-verità li teħlisna tassew.

No comments:

Post a Comment