Saturday 12 June 2010

L-Orizzont: Mons. Mario Grech: tersqux titqarbnu jekk ta' skandlu għall-oħrajn

8.6.10
L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech ħeġġeġ lill-Insara biex jaħsbuha sew qabel jitqarbnu ħalli ma jkunux ta' skandlu għall-oħrajn.

Waqt li kien qiegħed jindirizza quddiesa pontifikali fil-Kattidral ta' Għawdex fl-ok­każ­joni tal-festa ta' Corpus Domini, Monsinjur Grech irrefera għal kif dan l-aħħar qiegħed jinxtered tagħlim li jmur kontra d-duttrina Kattolika dwar it-tqarbin u għal­kemm ħafna jidhru reliġjużi fil-verità qegħdin jitilfu s-sens tas-sagru u b'hekk qegħdin jabbużaw mill-Ewkaristija.

"B'differenza minn ħafna Nsara Protestanti, aħna nem­mnu li l-preżenza ta' Ġesù fl-Ewkaristija tibqa' anke wara li tintemma l-quddiesa u għalhekk il-ħobż ikkonsagrat jin­żamm fit-tabernaklu," hu sostna.

Monsinjur Grech fakkar kif il-Knisja dejjem għallmet li qabel ma persuna titqarben ma tridx tkun għamlet dnub mejjet u sostna li bniedem jista' jaqa' fid-dnub mejjet mhux biss f'attività sesswali barra miż-żwieġ imma wkoll f'diversi għażliet oħrajn tal-ħajja.

"Jekk wieħed ikun wettaq għemil li fih innifsu huwa diżordni morali, anke jekk din il-persuna suġġettivament ikol­­lha raġunijiet li jiskużawha jew inaqqsulha l-ħtija, xorta ma tistax tersaq titqarben għax tkun ta' skandlu għall-oħrajn".

L-Isqof Għawdxi saħ­aq li l-poplu għandu bżonn jieqaf u jirrifletti biex jara jekk it-tagħlim li jħaddan dwar l-Ewkaristija huwiex awtentiku jew iddeġenerax maż-żmien.

Mons. Mario Grech sostna wkoll li l-poplu għandu jistħarreġ jekk tilifx is-sens tad-dnub għax jekk għalih se jgħaddi kollox allura jinftehmu ċertu abbużi li qegħdin isiru fil-konfront tal-Ewkaristija.

No comments:

Post a Comment