Sunday 27 June 2010

Il-ĠensIllum: Il-Malta Gay Rights Movement jgħid li jeżistu forom oħrajn ta' familji: reazzjonijiet

Rosemarie Dorekens
". . .hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar x'effetti ikun hemm fuq it-tfal meta dawn jitrabbew f'ambjent ta' koppja tal-istess sess".

26 ta'Gunju 2010

Skont Gabi Calleja tal-Malta Gay Rights Movement – MGRM, barra l-familja tradizzjonali bejn mara u raġel, jeżistu forom oħrajn ta’ familji. Calleja stqarret ukoll li minkejja li hawn koppji magħmulin minn żewġ persuni tal-istess sess, dawn xorta jistgħu jkunu “kreattivi” biżżejjed biex ikollhom it-tfal.

Calleja għamlet dawn l-affermazzjonijiet fil-bidu ta’ dan ix-xahar quddiem il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Malti, li jinkludi membri miż-żewġ partiti politiċi ewlenin ta’ pajjiżna.

Fl-intervent tagħha, Calleja saħqet fuq ix-xewqa tal-persuni li għandhom orjentazzjoni sesswali differenti, li jkollhom ir-relazzjoni tagħhom rikonoxxuta mill-Istat, kif ukoll id-dritt tagħhom li jkollhom familja u jrabbu t-tfal. Hi spjegat li fl-Unjoni Ewropea jeżistu mudelli differenti ta’ relazzjonijiet ta’ koppji tal-istess sess. F’pajjiżi bħall-Belġju, l-Olanda, Spanja, u l-Portugall, spjegat Calleja, l-Istat jagħraf iż-żwieġ bejn dawn il-koppji, waqt li fl-Ingilterra u Franza teżisti l-unjoni ċivili. F’pajjiżi oħrajn, bħall-Italja, teżisti l-liġi tal-koabitazzjoni, li tagħti protezzjoni u drittijiet bażiċi.

Calleja fakkret li f’Malta ma hawn ebda liġi li tirrikonoxxi relazzjoni bejn koppja tal-istess sess u l-Malta Gay Rights Movement jisħaq “li dan għandu jsir għaliex id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, f’dan il-każ ta’ dawk il-persuni li għandhom orjentazzjoni sesswali differenti, mhux qed jiġu mħarsin f’pajjiżna”.

Calleja argumentat li ħafna drabi meta jsir kliem dwar koppji tal-istess sess, jingħad li dawn mhumiex familji.

“Il-perċezzjoni hi li koppji tal-istess sess ma jistgħux irabbu jew jkollhom tfal,” qalet Calleja. Skont artiklu ta’ CJ Patterson, bl-isem ta’ “Family relationships of lesbians and gay men”, li deher fil-Journal of Marriage and the Family, “din l-ideoloġija ġeneralment mhix assoċjata ma’ esperjenzi personali, imma ġejja biss minn twemmin kulturali”.

Imma affermat Calleja: “Madankollu, il-koppji tal-istess sess huma kreattivi u xorta waħda jirnexxilhom jagħmlu li jixtiequ.”

Fil-kuntest semmiet mezzi differenti li dawn il-koppji jistgħu jirrikorru għalihom biex ikollhom it-tfal, bħalma hi l-inseminazzjoni artifiċjali, jew li jkollhom relazzjoni intima ma’ membru tas-sess oppost. Fil-każ tal-irġiel omosesswali, spjegat Calleja, “dawn faċilment jistgħu jirrikorru għal surragate parenthood”, jew aħjar il-kiri tal-ġuf tal-mara li ġġorr tarbija għal ħaddieħor. Hemm ukoll l-assistenza teknoloġika tar-riproduzzjoni (IVF).

F’ħin minnhom, Calleja rreferiet ukoll għall-possibbiltà tal-adozzjoni, u semmiet tliet tipi ta’ adozzjoni li mhux kollha jistgħu jsiru f’pajjiżna.

“Hemm is-second parent adoption, fejn is-sieħeb jew sieħba, jiġifieri l-ġenitur mhux bijoloġiku, jadotta t-tfal tas-sieħeb jew sieħba tiegħu. Hemm, imbagħad, l-adozzjoni tat-terza persuna, jew aħjar il-każ meta koppja tadotta tfal ta’ ħaddieħor. Hawn Malta din hija possibbli biss għal persuni miżżewġa. Hemm ukoll l-adozzjoni ta’ ġenitur wieħed – single parent adoption, u din hija possibbli għal persuni omosesswali, għalkemm pajjiżi barranin qegħdin idejqu l-aċċess jekk isiru jafu bl-orjentazzjoni sesswali tal-applikanti, għax jaħsbu li jidħlu problemi ta’ kwistjonijiet ta’ kustodja.”

Quddiem dawn l-affermazzjonijiet, IL-ĠENSILLUM online tkellmet ma’ Fr Ray Zammit, lekċerer fit-Teoloġija Morali fl-Università ta’ Malta. Dr Zammit qal li jibqa’ l-fatt li “fl-assenza ta’ liġi, huwa possibbli li koppji tal-istess sess jagħmlu użu mit-teknologija tar-riproduzzjoni (IVF)”. Rigward il-kiri tal-ġuf , jewsurrogacy, Dr Zammit qal li jista' jkun hemm diversi problemi “jekk l-omm li qed tikri l-ġuf tagħha ma taċċettax li tagħti t-tarbija lil min ħallas għall-kera. Barra minn Malta kien hemm diversi każijiet fuq hekk”.

Dejjem dwar l-aspetti li qajmet Calleja, Dr Zammit qal li “mill-aspett morali hemm ħafna x’wieħed jixtarr. Il-kwistjoni mhix daqshekk sempliċi, daqskemm mhux faċli għal persuna adulta li tixtieq li trabbi t-tfal, li taqbad u tadotta”. Fil-fehma tiegħu, imbagħad, “inkunu qed naqilbu d-dinja ta’ taħt fuq jekk inħarsu lejn il-kwistjoni mil-lenti tal-adulti li jixtiequ t-tfal, flok mil-lenti tal-aħjar interess tat-tfal”.

Dr Zammit ma jaħsibx li wieħed jista’ jitkellem dwar id-dritt li jkollu t-tfal akkost ta’ kollox, “imma jekk il-mod kif it-tfal jiġu fid-dinja jirrispettax l-aħjar interessi tagħhom u d-dinjità tagħhom ta’ persuna, u allura mhux oġġett tax-xewqa tal-ġenituri”.

Sostna li jekk persuna lesbjana jkollha x’taqsam ma’ xi ħadd biex toħroġ tqila, “dan ikun ifisser li t-tifel jew tifla mhux se jkollhom kuntatt mal-missier naturali, jew bijologiku, tagħhom; l-istess meta persuna omosesswali jkollu x’jaqsam ma’ mara biex iġġorr it-tarbija tiegħu, dan ikun ifisser li t-tifel jew tifla mhux se jkollhom kuntatt mal-omm naturali, jew bijoloġika, tagħhom.

“Li mbagħad koppja tal-istess sess tirrikorri għall-IVF biex ikollha t-tfal, għal darb’oħra dan ikun possibbli biss meta jkun hemm donazzjoni ta’ sperma jew ovoċiti, li jfisser li hemm qasma bejn il-ġenituri bijoloġiċi tat-tifel jew tifla, u min irabbihom. Jidhirli li t-tfal għandhom id-dritt morali li jkunu jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom u li d-donazzjoni ta’ sperma jew ovoċiti, apparti li ddaħħal terza persuna fir-relazzjoni tal-koppja, m’għandhiex tkun xi ħaġa anonima”, spjega Dr Zammit.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għat-Tfal, Helen D’Amato, qalet li tinkoraġġixxi konformità sħiħa mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, “li tirrikonoxxi li t-tfal, għall-iżvilupp sħiħ u tajjeb tal-personalità tagħhom, għandhom jitrabbew fi ħdan il-familja, f’ambjent ta’ hena, imħabba u ftehim”. Il-Kummissarju fakkret ukoll li l-Konvenzjoni tgħid ukoll li t-tfal għandhom dritt ikunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom, u li jkollhom relazzjoni mill-qrib u kuntatt mal-ġenituri tagħhom.

Dwar adozzjoni minn persuna b’orjentazzjoni sesswali differenti, il-Kummissarju qalet li l-liġi Maltija tagħti l-opportunità li persuna single, mingħajr ma tagħmel riferenza għall-orjentazzjoni sesswali tagħha, tista’ tadotta, u bħal f’kull każ ieħor ta’ adozzjoni, dejjem jekk jinstab li dan huwa fl-aħjar interess tat-tfal.

Filwaqt li l-Kummissarju għat-Tfal tagħraf li d-definizzjoni ta’ familja ma hi bl-ebda mod fissa, fil-fehma tagħha “għandu jsir sforz biex l-aħjar interessi tat-tfal jibqgħu fiċ-ċentru tal-attenzjoni u jipprevalu fuq kull interess ieħor tal-adulti”. Fakkret li “hemm nuqqas ta’ informazzjoni anki fuq livell internazzjonali dwar x’effetti ikun hemm fuq it-tfal meta dawn jgħixu u jitrabbew f’ambjent ta’ koppja tal-istess sess, u għalhekk huwa ferm diffiċli li wieħed jgħid x’inhu l-aħjar fl-interess tat-tfal.

“Wieħed jittama li meta llum dan is-suġġett qiegħed ikun diskuss aktar spiss, meta ssir riċerka speċifika u meta jittieħdu deċiżjonijiet, f’dan kollu għandu jkun hemm konsiderazzjoni serja tal-effett li dan it-tip ta’ ambjent iħalli fuq it-tfal. Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat l-impatt fuq it-tfal ta’ trobbija tagħhom ġo familji Lesbian Gay Bisexual and Transsexual.”

IL-ĠENSILLUM online ħadet ir-reazzjoni wkoll ta’ Rosalie Vella Piscopo, mill-Aġenzija APPOĠĠ. Vella Piscopo kkonfermat li “persuni single għandhom dritt li jadottaw, peress li l-liġi ma tispeċifikax l-orjentazzjoni sesswali tal-persuni li jersqu biex jadottaw”.

Hi saħqet li l-Aġenzija Appoġġ “tenfasizza li l-fattur ewlieni li jagħmel ġenitur tajjeb jew le huwa l-kapaċità ta’ dak il-ġenitur li joffri ambjent ta’ mħabba, sigurtà u stabbiltà lit-tfal. It-tfal mhumiex dritt assolut tal-adult: anzi, huma l-bżonnijiet tat-tfal li jridu jiġu milħuqin u mhux il-bżonnijiet tal-individwu. L-adozzjoni hi waħda mill-modi kif jintlaħqu l-bżonnijiet tat-tfal, u mhux kif jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tal-adult, u dan irrespettivament mill-orjentazzjoni sesswali ta’ din l-persuna jew persuni”.

No comments:

Post a Comment