Wednesday 12 May 2010

DOI: Konsultazzjoni dwar ir-regolamenti tal-koabitazzjoni

STQARRIJA MILL-KUMITAT PARLAMENTARI GĦALL-AFFARIJIET SOĊJALI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IR‑REGOLAMENTAZZJONI TAL‑KOABITAZZJONI

Department Of Information (DOI), Malta – 29.03.2010

Fl‑ewwel fażi tal‑eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il‑koabitazzjoni, il‑Kumitat Permanenti dwar l‑Affarijiet Soċjali talab lil kull min kien interessat biex iressaq proposti dwar x’jixtieq jara li jkun inkluż fil‑liġi li tirregola l‑koabitazzjoni, sabiex fuq kollox din il‑liġi tkun tista’ toffri ċertu drittijiet lil min qiegħed f’koabitazzjoni.

Ma jistax jingħad li kien hemm xi għadd kbir ta’ persuni li ressqu l‑proposti tagħhom dwar dan is‑suġġett. Dawn il‑proposti waslu jew permezz ta’ e-mails, jew inkella ġew mogħtija liċ-Chairman fuq livell personali.

Dawn il‑kummenti, li jixhdu x‑xewqat ta’ dawk li kkomunikaw il‑proposti, huma:

  1. Jiġi mwaqqaf uffiċċju li jkollu d-dmir li jirreġistra l‑koabitazzjoni ta’ żewġ persuni li jkunu qed jgħixu f’relazzjoni flimkien f’residenza waħda komuni għat‑tnejn. Bir-reġistrazzjoni ta’ civil union, ikunu magħrufa dawk il‑persuni li quddiem l‑istat jidhru li qegħdin f’koabitazzjoni.
  2. Il‑persuni reġistrati fir‑reġistru għandhom ikollhom l‑istess benefiċċji li għandhom koppji miżżewġa fejn jidħol ħlas ta’ taxxi, u ma jibqgħux jiġu meqjusa bħala persuni li qed jgħixu separatament minn xulxin.
  3. Għandu jkun mogħti d‑dritt tal‑wirt u dak kollu li hu relevanti ma’ dan id‑dritt, lil ulied li huma mwielda f’relazzjoni ta’ koabitazzjoni.
  4. Għandu jkun rikonoxxut id‑dritt tal‑wirt lill‑persuni li jgħixu flimkien biex ma jibqax ikun hemm każijiet fejn mart il‑mejjet jew żewġ il‑mejta, jidhru biex jaqsmu l‑wirt wara snin ta’ separazzjoni, peress li għall‑istat, ikunu għadhom jidhru bħala miżżewġa, minkejja li kien hemm separazzjoni.
  5. Għandu jkun mogħti d‑dritt għall‑pensjoni tar‑romol lil min ikun qed jgħix ma’ raġel li jkun separat u li jkun f’relazzjoni ta’ koabitazzjoni, kemm‑il darba s‑sieħeb/ba jmut. Ma jibqax id-dritt li mart il‑mejjet tkun tista’ tapplika għall‑pensjoni tar‑romol meta tkun ilha għal tul ta’ żmien separata minn mar‑raġel u f’xi okkażjonijiet tkun f’relazzjoni ma’ xi ħaddieħor. F’dan il‑każ tkun il‑mara li qed tgħix f’koabitazzjoni mar‑raġel li jkun miet, li għandha tkun intitolata għal din il‑pensjoni.
  6. Jeħtieġ li jsir mekkaniżmu fil‑Qorti tal‑Familja li jirregola koppja separata li qiegħda wkoll tikkoabita ma’ persuni oħra sabiex is‑separazzjoni tal‑beni jkun jista’ jsir b’mod aktar ġust. Illum jeżistu każijiet ta’ inġustizzja kbira għaliex meta l-koppja tispiċċa wara relazzjoni għal tul ta’ żmien, il‑persuna l‑aktar b’saħħitha tispiċċa litteralment twaddab ‘il barra mid‑dar lill‑persuna l‑oħra li tkun l‑aktar vulnerabbli. Il‑persuna tista’ tkun vulnerabbli jew għaliex hija mara jew għaliex hija persuna marida jew għaliex hija persuna barranija.
  7. Jeħtieġ li jkun hemm awtorità li tiddeċiedi min se jieħu ħsieb il‑kustodja tat‑tfal, manteniment u aċċess għall‑ulied li jkunu mwielda f’koabitazzjoni, meta r‑relazzjoni tasal fit‑tmiem tagħha.

Dawn il‑proposti jirriflettu kemm jista’ jkun bl‑akbar fedeltà l‑proposti mressqa liċ‑Chairmantal‑Kumitat. Wara li ssir konsultazzjoni pubblika sabiex tiġi aċċertata l‑korrettezza ta’ dawn il‑proposti, dawn jiġu diskussi fil‑Kumitat. Wara dan it‑tieni stadju ta’ konsultazzjoni pubblika, il‑Kumitat għandu jiddiskuti dawn il‑proposti sabiex wara jkun jista’ jressaq il‑fehmiet tiegħu fuq dan is-suġġett lill‑Gvern u lis‑soċjetà.

Dawn il‑kummenti qed ikunu magħmula pubbliċi sabiex min iħoss il‑bżonn li jikkoreġihom jew iżid magħhom, ikun jista’ jagħmel dan bl‑akbar faċilità. B’dan il‑mod, meta l‑Parlament jerġa’ jiltaqa’ wara l‑vaganzi tal‑Għid, ikun jista’ jiddiskuti dan is‑suġġett u jagħrbel ir‑realtà ta’ din l‑għażla ta’ relazzjoni fis‑soċjetà tagħna u xi proposti jistgħu jitressqu sabiex persuni f’koabitazzjoni jkunu jistgħu jingħataw ċertu drittijiet.

Il‑Kumitat Permanenti dwar l‑Affarijiet Soċjali qiegħed għaldaqstant jilqa’ kummenti mill‑pubbliku dwar dawn il‑proposti kif ukoll proposti oħra relatati mat‑tema tal‑koabitazzjoni. Is‑sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Kumitat sal-31 ta’ Mejju 2010 fuq l‑indirizz elettroniku socialaffairs.parliament@gov.mt.

Il-pubbliku jista’ wkoll jikkuntattja direttament lill-Membri ta’ dan il-Kumitat kif ġej:

L-Onor Edwin Vassallo, Chairman edwin.vassallo@gov.mt
L-Onor Frederick Azzopardi
azzopardi.frederick@gov.mt
L-Onor Justyne Caruana justyne.caruana@gov.mt
L-Onor Michael Farrugia
michael.farrugia@gov.mt
L-Onor Michael Gonzi
michael.gonzi@gov.mt
L-Onor Stephen Spiteri stephen.a.spiteri@gov.mt
L-Onor Anthony Zammit
anthony.zammit-borg@gov.mt

No comments:

Post a Comment