Tuesday 20 April 2010

It-Torċa: Nixtieq Papa bħall-Arċisqof

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9454
18.4.10

Iż-żjara tal-Papa f’pajjiżna ġiet deskritta bħala żball, mill-inġinier u attivist favur id-drittijiet ta’ persuni ommosesswali, Patrick Attard.

Patrick Attard, li skomunika ruħu mill-Knisja fid-dawl ta’ ċerti kummenti li għamel il-Papa Benedittu XVI, iddikjara dan mat-TORĊA fl-aħħar sigħat.

“Fl-opinjoni tiegħi hu żball li Malta tonfoq żewġ ewro għal kull ċittadin biex wieħed mill-iktar irġiel sinjuri fid-dinja jiġi jorqod hawn lejl wieħed. Iktar u iktar meta l-messaġġi tiegħu ixerrdu mibegħda kontra l-‘gays’, lesbjani u transesswali,” iddikjara Attard, li talab laqgħa mal-Papa biex iwassal il-ħsibijiet tiegħu, liema talba ma kinitx milqugħa mill-Vatikan.

“Nemmen li l-mod kif il-Knisja Kattolika timxi mal-komunità gay mhux xieraq u qed jagħmel ħafna deni mad-dinja kollha u jien konvint li għad jasal żmien fejn il-Knisja Kattolika tbiddel il-pożizzjoni tagħha,” qal Attard filwaqt li saħaq li dan hu proċess li jista` jieħu ż-żmien.

“Jistgħu jgħaddu ftit snin jew mitt sena, imma xi darba jew oħra din il-pożizzjoni se tinbidel. Meta jasal dan iż-żmien il-Knisja tagħmel apoloġija għat-tbatija żejda li ħolqot; tbatija li kissret familji u wasslet anki biex nies innoċenti jneħħu ħajjithom. Issa drajna nisimgħu b’apoloġiji ta’ għemil li sar mill-Knisja ħafna snin qabel,” jargumenta Attard.

Meta kien mitlub jikkumenta dwar l-ewwel ħames snin papat ta’ Benedittu XVI, Patrick Attard saħaq li kien ikun aħjar għall-knisja kieku saret għażla differenti.

“Ikun tajjeb kieku l-Knisja Kattolika għażlet Papa li għandu l-umiltà, kompassjoni u l-għerf tal-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Pawlu Cremona, li għandi rispett kbir lejh. Hu jifhem it-tbatijiet tan-nies. Il-Knisja kieku tkun tista’ tagħmel ħafna ġid u mhux toħloq tbatija inutli f’nies li l-unika ħtija li għandhom hi li huma differenti,” temm jgħid Attard.

Is-sena l-oħra Patrick Attard kien bagħat ittra lill-President ta’ Malta George Abela fejn talbu biex jirtira l-istedina lill-Papa biex jiġi Malta.

Patrick Attard qal li dan kellu jsir sakemm il-Papa jagħ mel apoloġija lill-komunità gay ta’ ċerti dikjarazzjonijiet li għamel.

Jirriżulta li l-ittra ta’ Attard baqgħet mhux imwieġba mill-uffiċċju tal-President.

Aqra iktar dwar dikjarazzjonijiet li għamel Benedittu XVI u l-impressjonijiet li ħalla wara ħames snin papat, fis-suppliment li t-TORĊA qiegħda tippubblika llum fl-okażjoni taż-żjara tal-Papa.

No comments:

Post a Comment