Tuesday 20 April 2010

It-Torċa: Fr Colin: Il-Papa: Suċċess jew Fjask?

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9476
18.4.10 minn Fr Colin Apap

Fr Colin,

SEGWEJT sewwa din il-gimgħa fil-programmi li ħadt sehem fihom dwar iż-żjara tal-Papa. Xi kultant għoġobtni għax nammira s-sinċerità tiegħek u titkellem ċar ħafna imma kultant daqqejt id-diska klerikali. Ngħidlek fiex:

Fuq TVM, fil-programm ta’ Ray Calleja, ippruvajt twaħħal fil-gazzetti li qiegħdin jagħmlu kampanja kontra l-Knisja u kontra l-Papa. Mela l-gazzetti mhux jirrapportaw dak li qed jigri?

Fil-programm tar-radju Super 1 tat-Tnejn fil-għaxija li għaddew inti ppruvajt tiskuża lill-Kurja għax iddiskriminaw kontra dawk li għax fallielhom iż-żwieġ tagħhom ma stednuhomx biex jattendu l-quddiesa tal-Papa. Ippruvajt tgħid li qed tifhem is-sitwaz-zjoni diffiċli u t-tbatijiet li ngħaddu aħna s-separati (għax grazzi għal nies bħalek ma tridux li l-Istat jgħaddi liġijiet dwar id-divorzju bħalma hemm fil-pajjiżi kollha tad-dinja ċivili) imma fl-istess ħin iddefendejt il-Knisja antikwata f’Malta li qiegħda twarrab lilna s-separati.

Tajjeb! Min għandu l-flus u ġab id-divorzju testednuh u tpoġġuh quddiem il-Papa imma min hu Malti u m’għan-dux flus biex iġib id-divorzju twarrbuh u ttuh bis-sieq! Stennejtek issemiha din il-kontradizzjoni li qiegħdin tagħmlu.

Ħallejt lill-kelliemi tal-Kurja Fr Charles Cordina jieħu over il-programm u ħallejtu jgħid li jrid. Ħallejtu jgħid li ġejna mwarrbin għax imxejtu fuq dak li qalilkom l-Office of the Prime Minister (OPM) – u taf li dik id-dikjarazzjoni kienet miċħuda mill-Prim Ministru nnifsu. Mhux veru li ma ste-dintuniex għax biss bħala protokol amministrattiv, imma għax ridtu twarrbuna apposta u tagħtu eżempju bina. Kieku tkun taf l-istorja tiegħi u kemm tbatija għaddejt minnha mhux twarrabni mill-quddiesa tal-Papa imma tistedinni nkun miegħu bħalma qed jilqa’ l-vittmi l-oħra.

Fil-programm fuq “Favourite Channel” tat-Tlieta kontu qabda qassisin. Ma segwejtekx għax m’għandix dak l-istazzjon fuq tal-GO; ippruvajt insegwik fuq l-internet imma xorta ddejjaqt bl-iskużi li bdejt iġġib biex tiddefendi l-Papa.

Dak li hu ħażin hu ħażin anki meta jagħmlu l-Kap tiegħek. Bdejt tgħid kontra l-midja u kif din qiegħda toħloq antipatija għall-Papa. Imn’alla kienet il-midja għax kieku dawn l-abbużi kienu jibqgħu moħbija u uliedna jibqgħu fil-periklu. Flok tiddefendu t-tfal, tiddefendu l-Istituzzjoni!

Imbagħad fil-programm fuq One TV ta’ Joe Grima “Inkontri” kont wisq favur il-Knisja u wrejt kemm int żbilanċjat u m’intix tfittex il-verità. Beda jurina l-invit li bgħattulu biex jattendi l-quddiesa waħdu u mhux mal-mara li ilu magħha 27 sena! Għedtu li kulħadd hu mistieden li jmur fuq il-Fossos – mur obsor! Mela l-Fossos huma proprjetà privata u mhux pubblika?

Anzi kellek wieħed li beda jgħid li l-Kurja għamlet apposta li ma stednitx lil min hu poġġut biex tagħtihom lezzjoni u turihom li qiegħdin jgħixu fid-dnub! Eżatt il-kuntrarju ta’ kif għedt int fil-programm tar-radju biex tikkalma lin-nies irrabjati li ċemplulek. Il-qassis mistieden tiegħek qal li l-Knisja ma rieditx twassal messaġġ negattiv lil dawk li fallew fiż-żwieġ tagħhom għax segwiet biss il-protokoll, imma fil-programm ta’ Joe Grima għedtu l-oppost!

Imma l-iktar li dejjaqtni huwa meta ktibt fit-TORĊA li għalik “il-Papa huwa l-Papa, full stop!”. Dan hu kliem ta’ min hu fundamentalist u mhux ta’ min hu miftuħ għad-djalogu. Dik il-“full stop” tfisser li għalik u min hu bħalek il-Papa huwa l-Papa u għalhekk m’hemmx x’tiddiskuti u kulħadd irid jagħlaq ħalqu u jobdi!

Fr Colin, infakkrek li kien hemm Konċilju li qatt ma daħal f’Malta... anzi jgħid il-kuntrarju li l-Knisja għandha tkun miftuħa għad-djalogu u mhux timponi lilha nnifisha fuq iċ-ċittadini Maltin. Jiena nsegwi lil Kristu imma mhux il-Knisja li taħseb li hi biss għandha l-verità u ħaddiehor dejjem jiżbalja!

Imma issa, dak li hu agħar, dak il-Kardinal tal-Vatikan li qed iwaħħal fl-omosesswali minħabba l-abbużi ta’ saċerdoti fil-Knisja!! Qal li m’hemmx relazzjoni bejn li l-qassisin ma jiżżewġux u l-pedofelija imma hemm konnessjoni bejn min hu omosesswali u l-abbuż fuq it-tfal! Ara x’għandu x’jaqsam!

Tridu ssibu f’min twaħħlu... bħalma għamel Hitler, Katto-liku, li waħħal fil-Lhud u l-omosesswali fil-problemi kollha li għandha d-dinja! U beda l-Olokawstu u qatel sitt miljun Lhudi... u qatel l-omosesswali kollha li sab! Dik reliġjon kattolika li tħaddan lil kulħadd u l-minoranzi nklużi!


Fil-pajjiżi ċivilizzati, fejn hemm id-divorzju, min jitkellem dal-kliem ta’ mibegħda kontra l-minoranzi jitfugħ il-ħabs. Li twaħħal fl-omosesswali u tagħti l-impressjoni li dawn jabbużaw mit-tfal hija gidba u malafama. Huwa mod kif tiddemonizzaw lin-nies u toħolqu mibegħda kontra tagħhom.

Imisskom tistħu! Issa se tipprova tiskużah ukoll?

Nistenna li tippubblikali din l-ittra kif inhi.



M. Grech

---

Mhux faċli ssib il-verità sħiħa

Nirringrazzjak ta’ din l-ittra twila u se nippubblikaha kif inhi. Jien, bħalek, qed infittex il-verità.

Mhux faċli li nsib il-verità sħiħa għax dejjem irrid nibqa’ nfittex, insaqsi, u niċċalinġja lili nnifsi f’dil-Mixja għall-Verità.

Inħossni komdu li nitkellem miegħek għax tidher li inti wkoll qed tfittex il-verità u l-affarijiet tgħidhom kif

temminhom. Tħossok imweġ-ġa’ fuq bosta affarijiet fil-Knisja u ħafna drabi għandek raġun. Tajjeb li titkellem u ssemma’ leħnek.

Huwa dmir tiegħek li tagħ-mel dan biex min xi kultant ikollu t-tentazzjoni, bħali, li nkunu mdawrin biss b’nies li jaraw biss naħa waħda u jisimgħu biss dak li jdoqq għal widnejhom, ittuna ċans nisimgħu qniepen oħra.

M’għandix dubji dwar l-impotanza enormi tal-midja: radju, televiżjoni, gazzetti u internet. In-“new media” twassal l-aħbarijiet fil-kumdità tad-dar u qiegħda toħloq il-Pjazza tar-Raħal fil-kumdità tad-dar fejn tista’ tkun taf x’qed jiġri, tiddiskuti bħalma kienu jagħmlu missirijietna fil-pjazez tar-raħal u kif għadu jsir f’bosta pjazez ewlenin. Il-midja hija ta’ ġid immens.

Imma bħal kull ħaġa tajba tista’ tintuża għat-tajjeb u l-ħażin; biex twassal il-verità jew il-gideb. Wara kull midja hemm ħafna interessi; profitti; aġendi moħbija u mhux tant moħbija. Il-midja tista’ twassal valuri jew tħassar is-soċjetà. Hekk ġara fuq dan il-Papa.

Intqalu ħafna gideb fuq dal-Papa, minn ċerta midja, fosthom li qed jaħbi l-abbużi meta l-verità hija li qatt ma kellna Papa li wettaq tant riformi fil-Knisja u għamel tant ġesti lejn il-vittmi. Min qed ifittex il-verità sħiħa ma jistax jagħlaq għajnejh dwar dal-gideb. Qisu kien hemm kampanja orkestrata biex joħonqu l-messaġġ tal-Papa apposta.

Mhux il-każ, issa, li nispjega fid-dettalji fuq kull każ li ssemma speċjalment dwar l-abbużi f’Milwaukee, USA u l-Ġermanja. Min isegwi l-aħbarijiet kollha jaf bil-ve-

rità. Minn kultura ta’ preokku-pazzjoni li nevitaw skandlu u ħsara lin-nies irnexxielu jgħaddi għal emfasi fuq valuri oħra wkoll bħal valur ta’ trasparenza, ġustizzja li ssir u tidher li qiegħda ssir, kemm fil-Knisja u fiċ-Ċivil. L-istruzzjonijiet li kienu ppub-blikati dan l-aħħar, imma li kienu hemm minn qabel, juru b’liema impenn favur iż-żgħir għandu dan il-Papa.

Kien għalhekk li għedt, u nerġa’ ntenni, li għalija l-Papa hu l-Papa, full stop!

Meta qed taqra dan, għandi nifhem f’xi ħin il-Ħadd, waqt iż-żjara tal-Papa, tara b’liema entużjażmu u mħabba kien milqugħ dal-Papa mill-Għaw-dxin u Maltin kollha, minn żgħażagħ u minn anzjani. Hu l-Papa ta’ Kulħadd għax Hu Kristu li jagħmilna lkoll familja waħda. Il-Papa huwa dak li jgħaqqadna flimkien bħala r-rappreżentant ta’ Kristu llum u huwa punt ta’ riferenza biex infittxu l-verità.

Għandi l-unur li nwassal il-messaġġ tal-Papa anki permezz ta’ trażmissjonijiet direttti fuq ir-radju u t-tele-viżjoni u din hi għalija xi ħaġa li nħossni kburi biha. Inħossni iktar viċin għall-messaġġ ta’ fidi li jrid jagħtina. Hu Papa differenti minn ta’ qablu għax kull Papa għandu l-karatteristiċi tiegħu. L-umiltà, it-timidezza, is-sens ta’ talb... jidhru minn għajnejh u għemilu.

Ma nħossx li l-affarijiet ma setgħux isiru ħafna aħjar. Il-messaġġi kontradittorji, li semmejt int ukoll, id-dewmien bla bżonn għall-mistoqsijiet tal-midja lokali li xi edituri ħassew li kien apposta, in-nuqqas ta’ trasparenza f’xi aspetti, id-diskriminazzjoni bejn mart MP u ieħor meta ġew biex jieħdu r-ritratti u li toħloq rabja bla bżonn, l-istorja pożittiva ta’ kif żvolġiet il-laqgħa mal-vittmi tal-abbuż mal-Arċisqof, eċċ., huma kollha aspetti li jridu jkunu approfonditi.

Qalli Lawrence Gech, wie-ħed mill-vittmi li attenda l-laqgħa mal-Arċisqof, “swietli ħafna spiritwalment; inħossni iktar seren”.

Ġesti ta’ mħabba konkreti bħal dawn jitkellmu jgħajtu iktar minn paniġierku.

Dwar il-kummenti li qal il-Kardinal Bertoni, is-segretarju tal-Istat tal-Vatikan, fejn għaqqad l-abbużi sesswali fuq tfal mal-omosesswali, naħseb li ġew fi żmien inopportun u ma nafx kemm jaqblu mal-verità xjentifika.

Federico Lombardi, li spokesman tal-Vatikan, f’damage control exercise, qal li l-Kardinal kien qed jirreferi għal “problematika interna fil-knisja u mhux għall-popolazzjni mondjali”.



Stqarr:

“L-awtoritajiet ekkleżjastiċi ma jqisux bħala kompetenza tagħom li jagħmlu affermaz-zjonijiet ġenerali ta’ karattru psikoloġiku jew mediku u għalhekk jirreferu għall-istudji ta’ speċjalisti u riċerkaturi aġġornati fil-materja”.

Il-Prof Tonino Cantelmi, president tal-Associazione italiana Psicologi e Psichiatri Cattolici (Aippc) ikompli jiċċara:

“Non c’è nessun legame tra pedofilia e omosessualità: le teorie psichiatriche che ipotizzano un nesso sono “assolutamente prive di fondamento”. (M’hemm ebda rabta bejn pedofelija u omosesswalità, it-teoriji psikjatriċi li joħolqu rabta huma “assolutament nieqsa minn sisien”.


Il-ġrajjiet ta’ dan l-aħħar huma biss sejħa għall-qawmien ġdid dwar il-valuri veri tal-Vanġelu – ir-rispett sħiħ tal-bniedem sħiħ għall-ġid komuni.

Irridu nikkonvertu.

No comments:

Post a Comment