Monday 15 March 2010

It-Torċa: L-istorja sigrieta tal-gay Maltin

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9280
14.3.10 minn Mark Montebello

Ftit tax-xhur ilu, ħareġ fl-Awstralja ktieb im-daqqas interessanti miktub mill-avukat Dr Joseph Chetcuti. Jismu ‘Queer Mediterranean Memories’. Il-ktieb hu xogħol ta’ riċerka kbira b’bażi dokumentarja qawwija. Bażikament, il-ktieb jittratta l-mod kif l-omosesswalità kienet meqjusa fl-imgħoddi ġewwa l-gżejjer Maltin, u wkoll kif xi ftit jew wisq tiġi meqjusa llum.

Titlu u kontenut

Diffiċli tittraduċi għall-Malti t-titlu tal-ktieb min-ħabba l-logħba fuq l-aġġettiv ‘queer’. Din tista’ tfisser diversi affarijiet. Tista’ tużaha biex tirreferi għal xi ħaġa stramba jew differenti mis-soltu; tista’ tużaha biex turi li xi ħaġa hi suspettuża; tista’ tużaha biex tirreferi għal xi ħadd li mhux qed iħossu f’siktu; tista’ tużaha għal bniedem m’aħniex; ġieli tintuża b’mod dispreġjattiv biex tirreferi għal persuna effemminata; ġieli tintuża wkoll b’mod offensiv biex tindika persuna bla sinsla; u, naturalment, tintuża wkoll biex tindika persuna omosesswali.

Dr Chetcuti juża dan l-aġġettiv apposta biex, f’ħin wieħed, aktarx jirreferi għal dawn it-tifsiriet kollha f’salt. Infatti, il-ktieb tiegħu jistħarreġ il-pożizzjoni tal-omosesswali f’soċjetà li dejjem maqdrithom, baxxiethom, injorathom, kasbrithom... imma wkoll f’soċjetà li dejjem għexet magħhom, gawdiet il-preżenza tagħhom, għamlet tabirruħha li ma jeżistux, u nqdiet bihom mingħajr qatt ma stmathom ta’ persuni bl-istess dinjità ta’ ħaddieħor.

Il-ktieb jistħarreġ it-tema ewlenija tiegħu minn diversi angoli, u joffri perspettiva storika għal kull waħda minnhom. B’dan il-mod, jistħarreġ il-liġi Maltija (3 kapitli sħaħ), il-postijiet fejn jinġabru l-omosesswali (speċjalment Strada Stretta), is-sehem tal-omosesswali fil-Karnival, l-orjentament possibbilment omosesswali ta’ xi personaġġi li ġeneralment ikunu meqjusa mod ieħor (inkluż Baden-Powell, Caravaggio, Mountbatten, Newman, Agata Barbara, De Gray, Mons. De Piro, San Ġorġ Preca, u Mabel Strickland), il-lingwaġġ Malti dwar l-omosesswali, l-omosesswalità fil-letteratura Maltija, u, fl-aħħarnett, it-tkabbir fir-rispett lejn l-omosesswali fil-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar għoxrin sena.

Kuntest storiku

Tintebaħ mill-ewwel li biċċiet minn dan il-ktieb jaħarqu sew. U forsi ma jistax ikun mod ieħor. Għax din hija tema importanti li qajla kienet ittrattata qabel b’mod daqshekk espliċitu u wiesgħa. Snin ilu, fl-1997, kien Dr Chetcuti nnifsu li xandar ktieb fuq l-istess linja: ‘Il-Ktieb Roża’. Kien dan il-ktieb li, aktarx għall-ewwel darba, beda jifqa’ s-silenzju u l-ipokresija li dejjem satru din it-tema. Issa, b’dan il-ktieb ġdid, Dr Chetcuti kompla jagħmel dan f’aktar dettall, b’riċerka aktar estensiva u b’ħarsa aktar iffokata.

Bħall-‘Ktieb Roża’, jiena nqis dan il-ktieb bħala mument sinifikanti fil-ġrajja soċjali tagħna. Il-‘battalji’ l-kbar mirbuħa fl-imgħoddi għat-tkabbir ta’ soċjetà aktar rispettuża lejn id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem – jiġifieri dawk tal-ħaddiema, tan-nisa u tal-persuni b’diżabbiltajiet – wassluna sa dan il-front ġdid; sa din il-‘battalja’ li, għalkemm għadha mhijiex mirbuħa, qiegħda tagħmel passi siewja ’l quddiem.

Din hi ‘battalja’ kruċjali fis-soċjetà tagħna llum. Mhux għall-omosesswali biss, imma għalina lkoll. Din mhijiex biss dwar l-avvanz soċjali u politiku tal-omosesswali, imma aktar u aktar dwar il-kapaċità tagħna lkoll li nirrispettaw lil kulħadd, hu min hu, bid-dinjità u l-qima li jistħoqqlu kull bniedem.

Siwi konsiderevoli

Għalkemm dan il-ktieb il-ġdid ta’ Dr Chetcuti xi minn daqqiet ma jonqosx milli jasal għal konklużjoni mgħaġġla, jiġġeneralizza żżejjed, isaħħaħ (paradossalment) ċerti preġudizzji, u forsi anki jagħti lill-Knisja Kattolika aktar milli jistħoqqilha, fil-qafas tas-soċjetà Maltija s-siwi tiegħu hu konsiderevoli. Hawnhekk għandna sejħa (u sfida) biex nimmaturaw. U jiddependi minna lkoll jekk nilqgħuhiex jew le.

Minbarra li l-ktieb hu miktub b’Ingliż sabiħ u mexxej, u anki ppreżentat b’mod li jgħin il-qari tiegħu, fih ukoll għadd ta’ ritratti tabilħaqq tal-għaġeb. Il-ħruġ uffiċjali tiegħu f’Malta se jsir il-Belt nhar is-Sibt li ġej, fil-Gallerija Libertà tal-GWU, fil-ħamsa neqsin kwart.

No comments:

Post a Comment