Friday 29 January 2010

L-Orizzont: L-MGRM dwar il-Konferenza Nazzjonali dwar il-Familja: Propaganda għall-aġenda ta’ Gvern Konservattiv

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=60023
29.1.10 minn Sammy Sammut

Il-Konferenza Nazzjonali organizzata fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet mill-Ministeru għall-Politika Soċjali biex suppost tiddiskuti l-kunċett tal-familja Maltija fil-passat, fil-preżenti u fil-futur, ġiet fil-mira ta’ kritika mill-Malta Gay Rights Movement li ddikjara li din il-konferenza naqset għal kollox milli tittratta b’mod kritiku t-tema li ntgħażlet għaliha, ‘Il-Familja: Il-Bieraħ, Illum, Għada’.

“F’din il-konferenza kienet kkunsidrata forma waħda biss ta’ familja. Il-bqija ġew demonizzati jew imwarrbin a priori kif deher evidenti mill-preżentazzjonijiet, mill-kelliema li ħadu sehem u mill-intervisti li saru tul il-konferenza. Fil-fatt, din ma kienet xejn ħlief eżerċizzju ta’ propaganda għall-aġenda ta’ gvern konservattiv,” ikkummentat Gabi Calleja f’ittra miftuħa indirizzata lill-President ta’ Malta, Dr George Abela u lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Frans Borg.

Hija spjegat li l-ewwel minn sensiela ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati li saru tul il-konferenza kienet dik tal-President Abela meta bid-definizzjoni dejqa li ta tal-familja eskluda minorità sinifikanti ta’ familji. Il-familja kienet definita bħala impenn għat-tul tal-ħajja bejn raġel u mara marbut mal-prokreazzjoni. Il-President għamel ukoll enfasi fuq il-ħtieġa ta’ kemm tal-omm kif ukoll tal-missier biex familja tkun tassew teżisti.

“B’hekk, b’mod intenzjonat jew le, il-President Abela eskluda lill-koppji miżżewġin kollha li ma jistax ikollhom tfal, inklużi koppji mingħajr tfal, ġenituri adottivi u foster parents; familji b’ġenitur wieħed; koppji li jikkoabitaw u t-tfal li dawn jista’ jkollhom; u s’intendi ġenituri gay u lisbjani”, spjegat il-kelliema tal-MGRM.

Hi kompliet tgħid li meta għadda biex jispjega id-definizzjoni taż-żwieġ fil-liġi Maltija, l-President Abela qal li huwa evidenti li din għandha tfisser unjoni naturali bejn mara u raġel bbażata fuq id-differenzi bejn is-sessi. “L-implikazzjoni ta’ tifsira bħal din hija li unjoni bejn żewġ persuni tal-istess sess s’intendi mhix waħda naturali. Li wieħed jibqa’ marbut ma’ din il-fehma jfisser in-nuqqas ta’ għarfien li, waqt li sa madwar erbgħin sena ilu l-omosesswalità kienet meqjusa bħala xi ħaġa kontra n-natura u bħala marda mentali, ix-xjenza u r-riċerka għallmuna li dan mhux il-każ”.

Gabi Calleja saħqet li llum il-ġurnata mhemmx dubju li l-omosesswalità mhix ħlief varjant naturali u normali tan-natura umana u ta’ speċi oħrajn. Waqt li hemm ħafna pajjiżi li naqsu li jimxu fuq dan l-għarfien u għadhom jitrattaw l-omosesswalità bħala reat kriminali, l-MGRM għandu l-impressjoni li kif għamlu pajjiżi oħrajn tal-Punent, Malta m’għadhiex tħares lejn l-omosesswalità b’din il-lenti.

Saret ukoll kritika għall-fatt li l-President Abela staqsa wkoll jekk tfal adottati minn koppji tal-istess sess jistgħux jispiċċaw isofru minn ħsara psikoloġika u soċjali. Intqal li l-President Abela hawn ukoll għoġbu jinjora r-riċerka li saret dwar dan il-qasam li b’mod ċar jindika li l-orjentament sesswali tal-ġenituri m’għandu l-ebda effett fuq l-iżvilupp tat-tfal.

“L-importanti huma l-kwalitajiet tal-ġenituri, bħalma hija l-imħabba, l-impenn, ir-responsabbiltà u l-abiltà tagħhom li jipprovdu għall-ħtiġijiet tat-tfal. Li tissuġġerixxi li l-fatt sempliċi li wieħed jew waħda jkun gay jew lisbjana tista’ tikkawża ħsara lit-tfal huwa redikolu daqs meta tiddikjara li t-tfal ma jsofru l-ebda ħsara jekk min jieħu ħsiebhom jin zerta li hu eterosesswali”, qalet Gabi.

Kompliet tgħid li kien ukoll punt debboli d-domanda li saret dwar jekk unjoni bejn persuni tal-istess sess tistax tissejjaħ żwieġ. Dan billi żwieġ simili diġa’ jeżisti f’għadd ta’ pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa, bħall-Olanda, l-Isvezja, in-Norverġja, il-Belġjum u Spanja. “Għalhekk il-kwistjoni mhijiex waħda ta’ definizzjoni iżda waħda ta’ preġudizzju u diskriminazzjoni, f’min nagħżlu li ninkludu jew neskludu bħala soċjetà u fuq il-bażi ta’ xhiex nagħmlu dan”.

Intqal ukoll li tul il-konferenza, il-mixja lejn is-sekulariżmu kienet deskritta bħala theddida għall-familja biex b’mod indirett jasal il-messaġġ li kull min ma jħaddanx it-twemmin Kattoliku huwa kompletament nieqes minn kull forma ta’ valuri, jew l-aktar, jista’ biss iħadden sett ta’ valuri inferjuri. “Imbasta ngħidu ħafna dwar is-separazzjoni bejn Knisja u Stat, u nishqu fuq id-Drittijiet Universali tal-Bniedem!”, saħqet Gabi Calleja.

Hija rriferiet ukoll għall-fatt li tul l-istess konferenza, l-ġenituri kollha separati jew li mhumiex miżżewġin, ġew ippreżentati bħala nies egoisti u rresponsabbli, li jiġru ma’ sieħeb sesswali wara l-ieħor mingħajr ma jagħtu każ ta’ uliedhom, waqt li t-tfal kollha li l-ġenituri tagħhom sseparaw ġew ippreżentati bħala trawmatizzati mingħajr fejqan; u li l-għadd akbar ta’ tfal bil-kundizzjoni ADHA huwa sempliċiment riżultat ta’ nuqqas ta’ imħabba mill-ġenituri.

Intqal ukoll li l-introduzzjoni tad-divorzju f’Malta twassal biex wieħed jibda jħares lejn il-kunċett taż-żwieġ bħala rabta ċoff li faċilment tinħall mal-ewwel intopp. “Insa l-fatt li s-soċjetà Maltija ma tgħix f’bozza protetta mill-bqija tad-dinja u l-kunċett tad-divorzju huwa magħna biex jibqa’, jew ir-realtà kontroversjali li wieħed irid ikollu l-mezzi biex jiksbu f’qorti barranija”, temmet tgħid Gabi Calleja.

No comments:

Post a Comment