Monday 18 January 2010

L-Orizzont: Il-PL joffri mudell ta’ kif għandu jaħdem pajjiżna

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=59482
14.1.10

Il-Partit Laburista se jkun partit li joffri mudell ta’ kif għandu jaħdem pajjiżna. Partit b’sett ta’ valuri, li jieħu ħsieb l-ambjent iżda ma jkunx mażżra għall-iżvilupp, li l-ekonomija jkollha enfasi fuq it-tnaqqis għaqli fit-taxxi, li jkollna drittijiet ċivili u ugwaljanza bejn sessi u fejn tidħol orjentazzjoni sesswali differenti kif ukoll ugwaljanza wkoll fuq il-post tax-xogħol. Dawn huma sett ta’ valuri li jiddistingwu lill-Partit Laburista minn kull partit politiku ieħor.

Dan qalu l-Mexxej Laburista Joseph Muscat waqt riċeviment li sar għall-mezzi tax-xandir u korpi kostitwiti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ġimgħa wara nofsinhar. Dr Muscat qal li l-Partit Laburista daħal għal proġett politiku li l-għan tiegħu mhix elezzjoni, iżda li l-Partit Laburista jiggverna u jġib bidla fid-direzzjoni li miexi fiha l-pajjiż.

Dr Muscat qal li din hija sena impenjattiva anke internament għall-Partit Laburista, fejn se tibda b’konferenza ġenerali rigward il-kontenut u li se tkun itwal għax se tkun mifruxa fuq ġimgħa sħiħa. Sena wkoll li matulha l-Partit Laburista se jvara l-emblema l-ġdida u proġett ġdid fejn il-partit se jingħaqad mal-kunċett ta’ moviment, li jmur lil hinn minn kull partit politiku u li se jkollu għan ikbar milli jirbaħ Elezzjoni jew oħra, imma li jagħti gvern u mod ta’ kif tiggverna iktar modern u aħjar.

F’isem il-Partit Laburista Joseph Muscat irringrazzja lill-mezzi kollha tax-xandir u l-korpi kostitwiti għall-ħidma li jwettqu matul is-sena.

No comments:

Post a Comment