Monday 28 December 2009

Illum: L-isbaħ rigal għall-Milied għal Brenda u Doris

http://www.illum.com.mt/2009/12/20/t14.html
20.12.9 minn Julia Farrugia

Imqartas sew fi ġlekk xitwi r-raġel jagħtik l-impressjoni ta’ raġel twajjeb li kull tifel jixtieq ikollu lilu bħala missier jew nannu. Għandu xi ħaġa fih li bħal donnha toffrilek wens. Forsi bla ma jaf jittrasmetti dak li ġarr miegħu għal bosta snin: il-professjoni tiegħu ta’ għalliem twajjeb.
Għandu 63 sena u għal 28 sena sħaħ ħadem ta’ għalliem f’suġġetti differenti, minn xjenza sa inġinerija u oħrajn.
“L-aktar ħaġa li tgħallimt minn dan il-każ kien li l-preġudizzji qiegħdin hemm għal xejn,” jistqarr Louis Cardona. “Il-preġudizzji ħlief inkwiet ma jaqilgħux. Brenda u Doris taw prova li jistgħu jgħixu f’armonija minkejja dak kollu li jista’ jgħid ħaddieħor.”
Brenda u Doris huma ż-żewġ persuni li din il-gazzetta laqqgħetkom magħhom fit-tieni ħarġa ta’ din il-gazzetta lura f’Novembru 2006.
Brenda, persuna transgender, wara ħafna snin taħbi l-emozzjonijiet tagħha u tgħix ta’ raġel, kixfet l-identità veru tagħha u bdiet tgħix ta’ mara. Iż-żwieġ kien b’saħħtu u f’każ deskritt minn ħafna bħala uniku, Doris, mart Brenda, għarfet tħaddan il-wegħda li għamlet fuq l-artal “sa mal-mewt tifridna”. Sal-lum twieżen lil Brenda f’kull pass li tagħmel.
Iżda l-problemi kienu ħafna. L-aktar marbuta ma’ impjieg hekk kif il-maġġoranza jew għalqulha l-bieb jew kellhom ilsien ħażin b’kummenti dispreġġattivi jew diskriminatorji.
Din is-sena fil-gazzetta Illum Brenda għamlet appell biex xi ħadd jagħtiha ċans taħdem biex tkun tista’ tgħix ħajja diċenti u taqla’ għajxien biex tkun tista’ tiekol hi u Doris u jkunu f’qagħda li jħallsu l-kontijiet dejjem jakkumulaw ta’ dawl u ilma. Illum wegħdet li titfa’ dawl fuq dik il-kumpanija li tieħu dan il-pass u l-ġest sabiħ li għamlet.
Dan hu r-rakkont …
Louis Cardona hu dak il-bniedem li għamel l-ewwel pass. Imma x’ġara eżatt u kif sar jaf bil-każ ta’ Brenda?
“Kien hemm persuna b’kariga għolja ħafna fil-politika li rrakkuntatli kif iltaqgħet mal-istorja ta’ Brenda u li baqgħet immarkata f’moħħha. Din il-persuna staqsietni jekk nistax insibilhom impjieg.
“Inzertajt kellna post għal żewġ impjiegi temporanji. Meta ltaqjt ma’ Brenda rajt quddiemi l-każ ta’ persuna li kellha bżonn l-għajnuna, kważi f’sitwazzjoni ddisprata. Għalija ma jimpurtanix is-sess ta’ persuna, jekk hux transgender jew le. Jien bniedem li dawn l-affarijiet ma jinkwetawni assolutament xejn,” jistqarr Cardona.
“Jien taf minn xiex inbati?” jistaqsini. “L-ipokrezija u nies għażżenin,” jgħidli bi tbissima minn taħt in-nuċċali.
“Meta ġew Doris u Brenda rajt quddiemi persuni intelliġenti, li għalkemm għandhom bżonn l-għajnuna, għandhom fihom il-qilla li jaħdmu u l-esperjenza għaliha. Li laqatni hu li Brenda u Doris huma żewġ persuni saqajhom mal-art u ma dehrux li jridu jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni. Riedu biss jaħdmu. U x-xogħol jidhru li qed jaħdmuh bil-qalb.”
Nistaqsieh x’inhi l-aktar ħaġa li missitlu qalbu f’dan il-każ.
“Ftit wara li bdew jaħdmu magħna Brenda ġiet tgħidli grazzi. Qaltli li ġieli bilkemm kien ikollhom biex jixtru x’jieklu. Qaltli ‘illum l-ewwel darba li stajna nieklu normali u li stajna nibdew inħallsu l-kont tad-dawl’. Dak il-mument laqatni,” jgħid r-raġel.
Cardona jistqarr li l-akbar xewqa tiegħu hi li kieku jista’ joffri mpjieg dejjiemi għall-koppja.
“Nixtieq li kieku nista’ noffri mpjieg għal dejjem imma kif spjegajt lil Brenda u lil Doris dan hu xogħol li jkopri kampanja pubbliċitarja partikolari għal perjodu limitat u jista’ jispiċċa fi ftit jiem mal-kampanja. Kienet kampanja li ntroduċiet fis-suq lokali l-prodott M150, energy drink popolari ferm barra minn Malta,” jispjega r-raġel.
Qatt kien sema’ dwar każi ta’ persuni transgender?
“Qatt ma kont dħalt fid-dettal. Imma ġieli segwejt programmi u blogs fuq l-internet. Li kien idejjaqni l-mod kif ċerti persuni fis-soċjetà jkunu attakkati u jispiċċaw outcast. Bil-qdusija b’kollox ta’ dan il-pajjiż dawn l-affarijiet jeżistu. U ħażin.
“Nemmen li fid-dinja kulħadd hu ugwali. U kulħadd għandu jkollu ċ-ċans tiegħu li jiżviluppa u jimxi ’l quddiem basta ħadd ma jimponi fuq ħadd, u ħadd ma jdejjaq lil ħadd.”
U kif iħossu Cardona meta jisma’ l-kummenti sbieħ ta’ Brenda u l-mod kif hi tħares lejh?
“Tieħu gost. Sodisfazzjon li taf li stajt għamilt persuna kuntenta. Dan it-tip ta’ ferħ bl-ebda flus ma jista’ jitkejjel.”

______________

F’dawn l-aħħar xhur seħħet xi ħaġa importanti f’ħajtek — sibt xogħol? Kemm int ferħana u xi jfisser għalik li sibt impjieg?
Iva, seħħ ħafna f’ħajti, grazzi għall-kumpanija International Merchants Ltd u t-team tal-management kollu nista’ ngħid li erġajt bdejt ngħix! Sibt impjieg li permezz tiegħu qed ngħixu ħajja normali bħal ħaddieħor.
Barra minn hekk qed jimpjegaw miegħi lill-partner tiegħi ukoll. Qed nagħmlu xogħol li jlaqqagħna ma’ ħafna nies, nagħmlu l-ħbieb u fl-istess ħin inwassal messaġġ li jien persuna bħal kulħadd, xejn differenti.

Spjegali ftit, kif ġiet din l-opportunità?
Jiena, bħal ma taf int, kont ili niltaqa’ ma’ nies u nitkellem fuq is-sitwazzjoni tiegħi, jew aħjar tagħna. Fl-aħħar iltqajt ma’ persuna prominenti li aċċertatni li se tagħmel minn kollox biex tgħinni. U hekk ġara għax wara ftit taż-żmien irċevejt telefonata biex immur għal interview. Spiċċajna li kemm jien kif ukoll Doris il-partner tiegħi sibna mpjieg għax min ħaddimna kellu bżonn żewġ impjegati għall-istess xogħol. Bdejna naħdmu u għal qalbna ħafna.

X’inhu x-xogħol ġdid tiegħek?
Ix-xogħol ġdid tiegħi hu li nippromwovi l-prodotti tal-kumpanija. Bħalissa għandna kampanja għaddejja fuq energy drink u xogħli hu li mmexxih ’l quddiem flimkien ma’ prodotti oħra tal-kumpanija.

Kif laqgħek l-imgħallem il-ġdid tiegħek? U għalik u għal Doris xi jfisser dan il-bniedem ġdid f’ħajjitkom?
Mhux imgħallem għandna, imma missier. Veru jirrispettana u jaf x’toffri l-ħajja.
Vera napprezzaw dak kollu li għamel magħna – il-familja kollha tiegħu tirrispettana. Anke jien u nikteb dawn it-tweġibiet qabiżli d-dmugħ. Qed insir aktar emozzjonali. Nibki bil-ferħ għax fl-aħħar sibt lil min jifhimni.

Ghalik il-Milied se jkun differenti issa li għandkom xi ħaġa tal-flus dieħla?
Ovvjament li se jkollna Milied differenti. Xejn speċjali, taf, imma din is-sena pereżempju, armajna ftit id-dar, ħriġna l-Bambin u Doris minn kmieni bdiet tagħmel il-logs tal-Milied.
Din is-sena kemm id-dar kif ukoll aħna personali fina l-ispirtu tal-Milied li hu vera xi ħaġa tajba u tagħmilna ferħanin.

Tiddeskrivih bħala rigal sabiħ tal-Milied?
Iva. Għalina hu l-ikbar rigal tal-Milied li qatt qlajna f’dawn l-aħħar snin.

F’dan ix-xogħol ġdid, kif laqgħuk kollegi oħra? Il-kollegi tax-xogħol? Tal-ġenn! Jirrispettawna, jiċċajtaw magħna, jgħinuna u rispett kbir naraw minnhom. Ma nista’ ngħid xejn ħażin fuqhom, anzi! Nixtieq niltaqa’ ma’ nies bħalhom kull fejn immur għax kieku qatt ma jkolli problemi.

Ġieli kien hemm klijenti li m’aċċettawx is-sitwazzjoni tiegħek?
Le. Sa issa dejjem sibt klijenti li jaħdmu miegħi, anzi. Wara kollox jien immur inbiegħ prodott li hu tajjeb u bi prezz tajjeb ukoll. Fl-aħħar mill-aħħar ma jibqax klijent anzi nsiru ħbieb u jien nagħmel min kollox biex fejn nista’ naqdieh. Wara kollox jien jinteressani l-bejgħ tal-kumpanija. Tmur tajjeb il-kumpanija mmur tajba jien.
Issa tinsiex li jien kont fil-business qabel allura naf x’jiġifieri li jkollok negozju. Kemm jien kif ukoll Doris nippruvaw nagħmlu xogħolna sew bil-limiti tagħna wkoll. M’aħniex perfetti, però dejjem titgħallem tkun aħjar fil-ħajja.

No comments:

Post a Comment