Monday 16 November 2009

L-Orizzont: ILGA–Europe sodisfatta bis-suċċess miksub

16.11.9 minn Sammy Sammut

Il-fergħa Ewropea tal-International Lesbian and Gay Association – ILGA Europe – kellha kliem ta’ tifħir għall-Malta Gay Rights Movement (MGRM) waqt li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li Malta, l-iżgħar pajjiż irrappreżentat fi ħdanha irnexxie lha torganizza l-akbar u waħda mill-aktar konferenzi ġenerali li qatt saru s’issa.

Dan il-fatt kien ikkonfermat minn ħafna mid-delegati li attendew għat-13-il Konferenza Annwali tal-ILGA–Europe li saret fil-jiem li għaddew fil-Lukanda Corinthia San Ġorġ, f’San Ġiljan, fejn kienet trattata t-tema “Negħlbu l-Barrieri Reliġjużi u Kulturali għall-Ugwaljanza LGBT”. Għaliha attendew aktar minn 300 parteċipant li kienu ġejjin minn 48 pajjiż differenti.

Din kienet ukoll l-ewwel darba li rappreżentanti mill-bord eżekuttiv ta’ ILGA-Europe flimkien ma’ rappreżentanti tal-MGRM, li kellhom sehem importanti fl-organizzazzjoni tal-Konferenza Annwali, ġew milqugħin bl-akbar korteżija minn Kap ta’ Stat. F’diskors ta’ merħba li għamel, il-President tar-Repubblika, Dr George Abela saħaq fuq l-importanza li għandha tingħata l-inklussività waqt li tkun ikkundannata kull tip ta’ diskriminazzjoni. Huwa qabel li l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tista’ sservi bħala fattur pożittiv biex ikun stimulat dibattitu kif f’pajjiżna jkunu rrispettati d-diversità u d-drittijiet tal-minoranza.

Qabel il-konferenza ewlenija tlaqqgħet ukoll Konferenza dwar id-Drittijiet ta’ Persuni Transesswali, li fi tmiemha kienet adottata dikjarazzjoni importanti li ġiet approvata mid-delegati tal-Konferenza Ġene rali tal-ILGA –Europe. Flimkien mal-konferenza TransEurope, ttellgħet ukoll wirja fiċ-Ċentru tal-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, liema wirja se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sa nhar il-Ħamis, 19 ta’ Novembru.

Il-konferenza prinċipali kienet miftuħa mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Dr Louis Galea, li tkellem dwar il-fatt li d-drittijiet ta’ persuni LGBT, mhumiex drittijiet adizzjonali iżda drittijiet umani. Min-naħa tiegħu, ir-rappreżentant tal-Partit Laburista, Evarist Bartolo saħaq li “issa hu l-mument” għad-drittijiet LGBT, waqt li rrifletta fuq ir-realtà u l-ħtieġa urġenti li ċittadini LGBT f’Malta jkollhom drittijiet tassew imħarsin. Irrifera wkoll għall-fatt li d-drittijiet umani huma drittijiet universali u ma jiddependux mill-kultura ta’ dak li jkun.

L-assemblea kienet indirizzata wkoll, fost oħrajn, mill-kap tad-delegazzjoni Maltija għall-Assmblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, id-deputat Nazzjonalista Dr Francis Agius, mill-eks-Deputata Parlamentari Taljana, Vladimir Luxuria, mir-rappreżentanta tal-Kummissjoni Ewropea, Belinda Pyke, il-membru parlamentari Ewropew, Ulrike Lunacel, mill-pastor mill-Latvja Juris Calitis u Fritz Huffnagel, Deputat Sindku ta’ The Hague.

Id-delegati tal-konferenza kellhom iċ-ċans li jsiru aktar familjari mal-gżejjer Maltin billi l-MGRM ħaseb biex jorganizza għadd ta’ żjajjar kulturali f’diversi postijiet turistiċi u storiċi, apparti dawra fuq il-baħar mal-Port il-Kbir.

Intant, il-Malta Gay Rights Movement radd ħajr lill-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Olandiż, l-uffiċċju tar-Rappreżentanza tal-Kummis sjoni Ewropea f’Malta, kif ukoll lit-Taqsima tal-Visa tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għall-koperazzjoni sħiħa li sab mingħandhom.

No comments:

Post a Comment