Thursday 29 October 2009

L-Orizzont: Tibda tiltaqa’ l-Konferenza Ewropea tal-ILGA

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=57742
29.10.9

Madwar 300 delegat minn diversi pajjiżi Ewropej jinsabu f’pajjiżna biex jieħdu sehem fit-13-il konferenza annwali tal-fergħa Ewropea tal-International Lesbian and Gay Associacion (ILGA).

It-tema magħżula għal din il-konferenza, organizzata mill-Malta Gay Rights Movement (MGRM) hija “Negħlbu l-Barrieri Reliġjużi u Kulturali għall-Ugwaljanza LGBT”.

Dettalji dwar il-programm ta’ temi li se jkunu diskussi mil-lum sa nhar il-Ħadd li ġej ingħataw matul konferenza tal-aħbarijiet ftit tal-ħin wara li nfetħet uffiċjalment il-konferenza annwali.

Juris Lavrikovs, uffiċjal għoli mill-fergħa Ewropea tal-ILGA qal li din il-konferenza għandha toffri opportunitajiet tajbin għall-attivisti lesbjani, ‘gay’, bisesswali u transesswali minn madwar l-Ewropa biex jiddiskutu bejniethom il-problemi u l-isfidi li jiffaċċjaw, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom flimkien u joħorġu b’suġġerimenti dwar kif l-awtoritajiet għandhom jindirizzaw diversi suġġetti li jolqtu lilhom direttament.

Il-koordinatur tal-MGRM Gabi Calleja qalet li din kienet sena eċitanti ħafna għall-moviment li għal dawn l-aħħar xhur kien impenjat bl-organizzazzjoni ta’ din il-konferenza.

Hija rringrazzjat lill-politiċi li se jkunu qegħdin jindirizzaw din il-konferenza kif ukoll lil min b’xi mod jew ieħor ikkontribwixxa biex dan l-avveniment seta’ jsir b’suċċess f’pajjiżna.

Gabi Calleja qalet li f’dawn il-jiem, l-MGRM kellha laqgħat ma’ diversi trejd-unjins Maltin.

Hija faħħret l-impenn tal-GWU li f’waħda mill-‘policy papers’ li nediet fil-ġimgħat li għaddew, titkellem dwar id-drittijiet fuq il-post tax-xogħol għal persuni lesbjani, ‘gay’, bisesswali u transesswali u tagħraf li kull persuna titwieled libera u għandu jkollha l-istess drittjiet u dinjità.

Waqt li l-konferenza tal-ILGA tinfetaħ illum, ilbieraħ infetħet il-konferenza dwar id-drittijiet tat-transesswali “Trans Rights Conference”.

Din hi l-akbar konferenza li qatt iltaqgħet fuq livell Ew-ropew biex ikunu diskussi problemi u sfidi li għadhom qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom persuni transesswali.

Il-konferenza indirizzat l-istituzzjonijiet Ewropej u l-programmi li dawn għandhom biex jindirizzaw id-diskrimi- nazzjoni fil-konfront ta’ persuni transesswali fis-snin li ġej-jin.

No comments:

Post a Comment