Thursday 29 October 2009

L-Orizzont: Il-President favur it-tolleranza

29.10.9

Il-President tar-Repubblika, Dr Ġorġ Abela saħaq favur aktar tolleranza u kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni waqt laqgħa li kellu ma’ uffiċjali tal-bord eżekuttiv tal-fergħa Ewropea tal-International Lesbian and Gay Association, flimkien ma’ rappreżentanti mill-Malta Gay Rights Movement (MGRM), li bħalissa qegħdin jorganizzaw f’Malta t-13 Konferenza Annwali tal-ILGA-Europe u li għaliha qegħdin jattendu aktar minn 300 delegat mill-Ewropa kollha u lil hinn minnha.

Matul din il-laqgħa ta’ korteżija, il-President Abela semma l-importanza ta’ aktar tagħrif u edukazzjoni biex tkun ikkumbattuta d-diskriminazzjoni kif ukoll biex ikun hemm aktar tolleranza u aċċettazzjoni tad-differenzi li jeżistu. Huwa nnota l-progress li sar f’Malta biex ikun hemm aċċettazzjoni akbar ta’ persuni li huma f’minoranza f’dak li huwa orjentament sesswali.

L-Avukat Abela għamel ukoll riferenza għad-diskors inawgurali tiegħu fil-bidu tal-ħatra tiegħu bħala President ta’ Malta, fejn kien saħaq fuq l-importanza tal-inklussività u kkundanna d-diskriminazzjoni. Qal li meta f’dak id-diskors kien irrefera għall-minoritajiet u familji varji, hu kellu f’moħħu persuni LGBT. Il-President Abela saħaq fuq l-importanza tal-leġislazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-impjiegi u fuq il-post tax-xogħol, waqt li qabel li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet fattur pożittiv lejn dibattitu akbar u aktar wiesgħa dwar id-diversità. Dwar it-tema magħżula għal-Konferenza Annwali tal-ILGA-Europe – “Negħlbu l-Barrieri Reliġjużi u Kulturali għall-Ugwaljanza LGBT” – il-President Abela qal li hu jemmen li l-imħabba hija l-akbar valur u virtù, li ma tista’ tkun klassifikata skont l-orjentament sesswali.

Kelliem għal ILGA-Europe kellu kliem ta’ tifħir għall-merħba u l-korteżija li ntweriet magħhom mill-President Abela.

Din iż-żjara kellha wkoll sinfikat doppju billi kienet l-ewwel darba li kap ta’ stat iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-ILGA-Europe waqt il-Konferenza Annwali tagħha.

1 comment:

  1. Is this the same George Abela who defined the family strictly between man and woman?

    All respect to MGRM, but this is ridiculous. They should have pointed out the inconsistency!!

    ReplyDelete