Friday 23 October 2009

L-Orizzont: Il-premju għall-ġurnalisti 2009 fuq id-diskriminazzjoni u d-diversità: Prosit Victor Vella

23.10.9

Għat-tielet sena konsekuttiva, il-ġurnali tal-Union Print rebħu l-premju nazzjonali tal-kompetizzjoni “Ngħożżu d-Diversità. Diskriminazzjoni Qatt”, premju organizzat mill-Kummissjoni Ewropea. F’Novembru, ġurija Ewropea se tagħżel wieħed mill-artikli rebbieħa nazzjonali bħala r-rebbieħ tal-kompetizzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti.

Il-Kap tal-Uffiċċju tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Dr Joanna Drake, ippreżentat iċ-ċertifikat u l-premju lill-ġurnalist Victor Vella fl-Uffiċċju tar-rappreżentanza, fil-Belt Valletta.

It-12-il sottomissjoni mibgħutin mill-ġurnalisti Maltin kienu evalwati minn ġurija indipendenti magħmula mill-Konsulent Editorjali Lawrence Grech, milll-korrispondenta u l-Avukat Claire Bonello, mid-Deputat Editur Matthew Vella, minn Lilian Vassallo mill-Uffiċċju tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea, u minn Amanda Catania mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.

L-artiklu rebbieħ tal-ġurnalista Victor Vella, kien intitolat “il-vuċi misterjuża li taqliblek ħajtek ta’ taħt fuq”, u kien ippubblikat fil-ġurnal it-Torċa fid-19 ta’ Lulju ta’ din is-sena. Il-ġurija faħħret dan l-artiklu rebbieħ li tratta problema soċjali ‘inviżibbli’ li mhux normali li tissemma’ fil-midja. Il-bord tal-għażla qal ukoll li l-artiklu ta’ Victor Vella jispikka għax hu tajjeb ħafna, hu riċerkat tajjeb u fih laqta emottiva.

It-tieni artiklu ta’ Victor Vella intitolat “Tfal u Ommijiet’ ġie fit-tieni post filwaqt li l-artiklu ‘Mill-Iżbarra għal Kordin” ta’ Julia Farrugia ġie fit-tielet post.

Il-premju nazzjonali għall-artiklu speċjali fuq in-nies tar-Roma, li din is-sena kien jiffoka fuq ir-rabta bejn il-faqar u d-diskriminazzjoni, ma ngħata lil ħadd.

Aktar minn 500 ġurnalist minn madwar l-Unjoni Ewropea bagħtu l-artikli tagħhom miktubin bil-ħsieb li jqajmu kuxjenza fuq id-diskriminazzjoni u d-diversità. F’Novembru, ġurija Ewropea se tagħżel wieħed jew waħda minn fost ir-rebbieħa nazzjonali kollha bħala r-rebbieħa jew ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti. Ir-rebbieħa nazzjonali kollha se jieħdu sehem fit-tieni fażi. Għas-sitt sena konsekuttiva, dan il-premju qed jonora lil dawk il-ġurnalisti li jikkontribwixxu għal għarfien aħjar tal-benefiċċji tad-diversità u għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni marbuta mar-reliġjon u t-twemmin, mad-diżabilità, mal-età, mal-orjentazzjoni sesswali, mar-razza jew mal-oriġini etnika.

Aktar tagħrif fuq din il-kampanja (FDAD) jista’ jinkiseb mis-sit: www.stop-discrimination.info.

No comments:

Post a Comment