Tuesday 6 October 2009

It-Torċa: Il-katavri bil-kolla fil-warrani

[Dan l-artiklu mhux fiq is-sit tat-Torċa s'issa.]
4.10.9 minn Gaetano Micallef

Bil-qiegħda mal-art u liebes ħwejjeġ tradizzjonali Għarbin, Abu Hamizi jidħol fl-internet kuljum u jdum mas-sitt siegħat jgħarrex għas-siti elettroniċi li fihom jikkomunikaw il-gays. Imma ż-żagħżugħ ta’ 22 sena m’huwiex ifittex żgħażagħ gay biex jagħmel ħbieb magħhom. Anzi l-kuntrarju. Qiegħed ifittixhom biex l-għaqda li jifforma parti minnha ssibhom u toqtolhom.


Hamizi huwa wieħed mill-militanti Iraqqini li qegħdin jippersegwitaw lill-kommunità gay tal-pajjiż. Huwa nnifsu jistqarr li l-internet huwa l-eħfef mod biex issib lil dawk li huwa jsejħilhom bħala "in-nies li qegħdin jeqirdu l-Iżlam". Meta jsibhom jagħmel l-arranġamenti neċessarji biex dawn jiġu attakkati u jekk ikun hemm bżonn jinqatlu.

Il-persekuzzjoni tan-"nies maħmuġa"

Għalkemm l-Iraq ġeneralment ikun fl-aħbarijiet għall-attakki bil-bombi u l-għexieren ta’ vittmi li jħallu warajhom, ftit huma dawk li huma konxji bil-persekuzzjoni li għaddejjin minnha l-gays tal-pajjiż. Mill-bidu ta’ din is-sena huwa stmat li fil-pajjiż inqatlu xejn inqas minn 130. "L-annimali jixirqilhom iktar ħniena minn dawn in-nies maħmuġa li jagħmlu atti moqżieża. Qabel noqtluhom nagħtuhom iċ-ċans li jitolbu lil Alla jaħfrilhom", isostni Hamizi. Ironikament, taħt Saddam Hussein l-omosesswalità ma kinietx meqjusa bħala att kriminali. Il-vjolenza fil-konfront tal-gays bdiet wara l-invażjoni tal-Istati Uniti u l-alleati tagħha fl-2003. L-eks-dittatur kien jittollera l-gays għax ma kienx iħossu mhedded minnhom. Kien għalhekk li huma ma kienux jgħixu fil-biżgħa u lanqas kienu jħossu li għandhom jaħarbu mill-pajjiż.

Imma llum is-sitwazzjoni hija differenti. Ali Hali, ċermen ta’ grupp Iraqqin ibbażat f’Londra li jiddefendi d-drittijiet tal-gays, il-bisesswali u t-transesswali, jgħid li mill-2004 ‘il hawn fl-Iraq inqatlu madwar 680 minnhom fosthom seba’ nisa. Huwa jemmen li n-numru jista’ jkun ikbar għax ħafna każijiet li jinvolvu rġiel miżżewġa ma jiġux rappurtati. Skont Hali,

l-Iraq sar "l-agħar post għall-gays fid-dinja".

Il-qtil tal-gays huwa brutali imma t-torturi li jgħaddu minnhom m’huma xejn inqas. Azhar al-Saeed kellha tifel gay li nqatel. Hija tgħid li binha kien tifel tajjeb imma ma kienx qiegħed jimxi mat-tagħlim tal-Iżlam. "Tliet ijiem wara li ħatfuli t-tifel irċevejt ittra wara l-bieb b’taqtir ta’ demm fuqha. Il-messaġġ fl-ittra kien jgħid li d-demm kien ta’ ibni u li dan issa ġie purifikat. Fl-ittra qaluli wkoll fejn stajt insib il-katavru tat-tifel".

Flimkien mal-pulizija l-mara marret fil-post indikat u hemm sabet lil binha mejjet b’sinjali ċari ta’ tortura. Il-parti ġenitali tiegħu kienet maqtugħa u l-warrani nstab mimli bil-kolla. Ommu tgħid li din id-dehra se tibqa’ stampata f’moħħha sakemm tmut. Għalkemm il-pulizija Iraqqina tgħid li dan il-qtil m’huwiex relatat mal-omosesswalità imma ma’ ġlied bejn gruppi differenti, l-għaqda ta’ Hamizi tgħid li kuljum hija "tinterroga" żewġ persuni. Haydar, żagħżugħ gay minn Baghdad, kien jgħix f’appartament ma’ ħabib tiegħu wkoll gay. Dan tal-aħħar inħataf u nqatel. Haydar fittex fl-aħħar sit elettroniku li kien daħal fih il-ħabib tiegħu u ikkuntattja lill-aħħar persuna li tkellmet mal-ħabib tiegħu.

Ftit tal-jiem wara, fuq l-għatba tal-bieb tal-appartament, Haydar sab ittra li wissietu bil-konsegwenzi jekk ma jobdix ir-regoli tal-Iżlam. Dan wasslu biex jibda jippjana ħalli jaħrab mill-pajjiż. Huwa beħsiebu jmur jgħix il-Ġordan biex jevita d-destin li għadda minnu l-ħabib tiegħu. Hashim huwa żagħżugħ ieħor li ġie attakkat. Huwa kien għaddej minn triq meta erbat irġiel qabżu fuqu, tawh xebgħa u qatgħulu wieħed mis-swaba. L-irġiel wissewh li fi żmien xahar kellu jiżżewweġ u jibda jgħix "ħajja tradizzjonali". Inkella kienu se joqtluh. Hashim jgħid li jibża’ joħroġ mid-dar u m’għandux flus biex jaħrab.

Skont il-Human Rights Watch (HRW), għaqda magħrufa li taħdem favur id-drittijiet umani, fl-Iraq hemm gruppi vjolenti li saħansitra jagħmlu pressjoni fuq irġiel li jkun lebsin "ħwejjeġ tal-Punent". Fl-fatt irġiel li jħallu xagħrhom twil, iqaxxru l-leħja u jilbsu ħwejjeġ fitted’ m’humiex meqjusin bħala "irġiel ta’ veru".

L-għaqda ħejjiet rapport ta’ 67 paġna mimli rapporti ta’ nies gay li irrakkontaw kif ġew ittorturati. Fir-rapport l-għaqda takkuża lill-pulizija Iraqqina li mhiex tinvestiga kif jixraq dawn l-attakki u li m’hi tagħmel xejn biex twaqqaf il-vjolenza fil-konfront tal-gays. L-istess tħassib intwera mill-Amnesty International, għaqda oħra li taħdem favur id-drittijiet umani. L-HRW saħansitra tallega li hemm pulizija li jwaqqfu rġiel li jkunu jidhru iffemminati u jirredikolawhom jekk mhux ukoll ikunu involuti fil-ħtif tagħhom.

L-iktar grupp magħruf għall-persekuzzjoni tal-gays huwa magħruf bħala l-Armata Mahdi. Dan il-grupp iqis lill-gays bħala "it-tielet sess" u jemmen li l-azzjonijiet tiegħu huma "ir-rimedju" għal din il-problema. Anke ħwienet tal-kafè u tal-barbiera ġew attakkati għax kienu frekwentati mill-gays.

Scott Long, direttur fil-HRW responsabbli mid-drittijiet tal-gays, bisesswali u transesswali, isostni li l-mexxejja Iraqqini suppost jiddefendu liċ-ċittadini kollha u mhux jabbandunawhom bil-konsegwenza li jisfgħu vittmi ta’ nies armati. Nies li ġew intervistati għall-istess rapport iddeskrivew xeni fejn katavri ta’ gays maqtula tpoġġew maż-żibel jew imdendlin bħala twissija għalihom.

Skont l-istess xhieda, in-nies armati li jaħtfu l-gays jattakkaw id-djar u jittorturawhom biex jikxfu gays oħra. Tobba li tkellmu mal-għaqda irrakkontaw kif sabu katavri bil-warrani magħluq bil-kolla Š sinjal ċar li l-kawża tal-qtil kienet l-omesesswalità.

Bħal f’diversi pajjiżi meqjusin "ċivilizzati" jew "avvanzati", anke fl-Iraq l-omosesswalità hija ikkunsidrata bħala suġġett-tabù. Il-ġurnali tal-pajjiż ikollhom artikli li jwissu dwar il-periklu tal-"irġiel iffemminati". B’mod ġenerali l-Iraqqini la jifmuhom u wisq iktar jissimpatizzaw magħhom. Il-gays Iraqqini huma ikkunsidrati bħala imbarazzament għall-familja u kien hemm każijiet fejn inqatlu minn membri tal-familja stess.

L-ipokresija tar-reliġjużi

It-trattament tal-gays fl-Iraq hija kapitlu ieħor fid-dinja fejn persuna jew grupp ta’ persuni jiġu ippersegwitati, torturati jew saħansitra maqtula f’isem ir-reliġjon. Il-qattiela jgħidu li qegħdin jagħmlu dan f’isem ir-reliġjon u għal Alla. Bħalma fi żmien il-kruċjati l-Insara u l-Musulmani biċċru lil xulxin f’isem Alla, illum qegħdin isibu sezzjonijiet oħra fi ħdanhom stess biex jippersegwitawhom.

Għalkemm m’inix gay, l-idea li jkun hemm min jirredikolahom insibha bħala sinjal ċar ta’ soċjetà b’mentalità magħluqa. Speċjalment f’ċertu pajjiżi, inkluż tagħna, fejn ħafna nies iserrħu l-kuxjenza "reliġjuża" sempliċiment għax jattendu xi funzjoni reliġjuża jew jitolbu imma fl-istess ħin ma jiddejqu xejn iweġġgħu lil ħaddieħor bl-atteġġjament tagħhom.

No comments:

Post a Comment