Wednesday 19 August 2009

L-Orizzont: Tiddiskriminax, Agħti ċans - Malta taħdem kontra d-direttiva biex titneħħa d-diskriminazzjoni

[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit ta' l-Orizzont s'issa]
18.8.9 Minn Victor Vella

Madwar it-toroq Maltin hawn diversi ‘Bill boards’ b’messaġġi kontra d-diskriminazzjoni. It-tema tagħhom hi dik ta’ “Jekk ma tiddiskriminax, tagħti ċans”. Imma minkejja dan il-messaġġ pożittiv fit-toroq Maltin u minkejja dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet kontra id-diskriminazzjoni, qiegħed jirriżulta li l-awtoritajiet Maltin fi Brussels qegħdin jaħdmu biex jopponu direttiva kontra d-diskriminazzjoni. Fil-fatt Malta, flimkien mal-Italja, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja, se jopponu d-direttiva kontra d-diskriminazzjoni, liema direttiva diġa ġiet adottata mill-Parlament Ewropew. Din id-direttiva tara li ma jkunx hemm diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, età, reliġjon u diżabilità u tista’ twassal biex waqt li kurċifissi jitneħħew minn postijiet pubbliċi għax xi ħadd li mhux Kattoliku jħoss li qed ikun offiż, hekk ukoll simboli li l-Kattoliċi jħossu li qed joffenduhom jistgħu jitolbu biex jitneħħew.

Din id-direttiva, li l-Presidenza Svediża trid li tgħaddi matul din is-sena, issegwi tlett direttivi oħra - dik tad-diskriminazzjoni ibbażata fuq razza fis-suq tax-xogħol u barra minnu, oħra fuq id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u oħra fuq trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel.

Din id-direttiva se tkun tapplika għall-qasam tal-protezzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa, benefiċċji soċjali, edukazzjoni, il-qasam tad-djar u fuq kollox fl-aċċess għal servizzi u prodotti.

Minn informazzjoni li ngħatat lil l-orizzont jirriżulta li hemm diversi punti li fuqhom Malta qiegħed toġġezzjona. B’mod partikolari Malta qiegħda tinsisti li Malta hi pajjiż fejn il-maġġoranza tal-poplu hu Kattoliku u għalhekk m’għandhomx jitneħħew il-kurċifissi jew simboli oħra Kattoliċi minn skejjel u postijiet pubbliċi oħra. Jirriżulta ukoll li Malta qiegħda toġġezzjona ukoll fuq diversi punti meta tidħol id-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, u dan peress li f’Malta għad hawn restrizzjonijiet kbar għal dawn il-persuni b’mod partikolari fejn jidħlu l-aċċess għal servizzi, djar tal-Gvern u drittijiet ċivili oħra.

L-oppożizzjoni li qed issib din id-direttiva minn dawn l-erba’ pajjiżi, jista’ jkun li twassal biex id-direttiva ma tkunx diskussa f’Novembru li ġej, waqt il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati Ewropej.

Din id-direttiva qalgħet kontroversja kbira, b’mod partikolari fejn tidħol ir-reliġjon. Il-Konferenza Episkopali tal-Knisja Kattolika fir-Renju Unit u f’Wales, qalet li jekk din il-liġi jkollha tidħol fis-seħħ toħloq ambjent oppressiv. Dan għax jeżisti riskju kbir li din tintuża minn grupp kontra iehor.

Spjegaw li gruppi omosesswali jistgħu jħossuhom offiżi minn simboli u tagħlim tal-knisja Kattolika, waqt li l-Kattoliċi jistgħu jħossuhom offiżi mill-Gay Pride Parade. Mill-banda l-oħra persuna ateja tista’ tħossha offiża minn pitturi f’gallerija tal-arti.

Din id-direttiva proposta mill-Kummissjoni Ewropea kienet ġiet approvata bi 34 vot favur u 7 kontra mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew, fl-aħħar jiem din ġiet approvata mill-Parlament Ewropew bi 363 vot favur u 226 kontra.

Kathalijne Buitenweg, il-membru Parlamentari Ewropew Olandiża f’isem il-Partit tal-Ħodor, kienet qalet li “minkejja il-benefiċċji ovvji ta’ din id-direttiva, kellna nieħdu xhur sħaħ ta’ xogħol iebes biex nirbħu l-appoġġ għal din fil-Parlament Ewropew”.

Din id-direttiva proposta, issa għandha tmur għall-approvazzjoni tal-Istati membri, fejn l-Isvezja li daqt ikollha l-Presidenza qiegħda ssostni li se tagħti prijortà lil din id-direttiva.

Biex din id-direttiva tidħol fis-seħħ, hemm bżonn l-approvazzoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Din id-direttiva proposta, tagħti id-dritt li ċittadini li jkunu ateiji jiftħu kawżi kontra istituzzjonijiet pubbliċi jew li jagħtu servizz jekk ikollhom kurċifissi esposti fejn imur il-pubbliku u bl-istess mod Kattoliċi jistgħu jiftħu proċeduri legali kontra min idendel posters li joffendu r-reliġjon Kattolika.

Din id-direttiva proposta se tkun tfisser li kull kumpanija, grupp jew post tax-xogħol li joffri servizz lill-pubbliku fosthom sptarijiet, ħabsijiet u negozji, jistgħu jkunu f’riskju li jinfetħu proċeduri legali kontrihom fil-qrati. Il-proċeduri jistgħu jinfetħu minn ċittadini ateiji jew ta’ reliġjonijiet li mhux Kattoliċi, minħabba li jistgħu jħossuhom offiżi bil-preŻenza ta’ kurċifissi.

Irid jingħad li din id-direttiva proposta, tista’ twassal ukoll biex persuni Nsara jew Kattoliċi jiftħu azzjoni legali kontra ħwienet jew lukandi li jkollhom materjal offensiv għalihom fosthom posters ta’ xi films bħal ‘The Life of Brian’.

Diversi organizazzjonijiet u knejjes madwar l-Ewropa qajmu l-oġġezzjonijiet tagħhom. Iċ-Church of England qalet li sptarijiet u djar għal dawk bla dar jistgħu jispiċċaw fil-mira ta’ azzjoni legali minħabba nies li jużaw dawn is-servizzi iżda li m’għandhomx l-istess twemmin.

Is-Soċjetà Universali tal-Hindu, permezz ta’ Rajan Zed, laqgħet bil-ferħ din id-direttiva proposta.

Simon Calvert mill-Christian Institute qal li jekk din id-direttiva tgħaddi din ma tagħmel xejn għajr li tiftaħ ‘Pandora box’. Qal li “nixtieq nisaqsi x’se jiġri mill-kotba tal-Bibbja li jkun hemm fil-kmamar tal-lukandi? Se nispiċċaw ineħħu ukoll pitturi tan-natività?”.

No comments:

Post a Comment