Friday 26 June 2009

L-Orizzont: L-Ambaxxata Amerikana tfakkar l-LGBT Pride Month

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=54535
26.6.9

L-Ambaxxata Amerikana u l-Malta Gay Rights Movement se jorganizzaw attività fl-okkażjoni tal-Lesbian, Gay, Bisexual and Transgender (LGBT) Pride Month. Il-pubbliku huwa mistieden jattendi għall-wiri tal-film “Milk” u għal diskussjoni, permezz ta’ Digital Video Conference, mal-attivista Amerikana għad-drittijiet tal-persuni gay, Elaine Noble.

Il-film “Milk”, li għandu bħala protagonist lil Sean Penn, jirrakkonta l-ħajja ta’ Harvey Milk, li kien l-ewwel raġel li ddikjara li huwa gay u ġie elett bħala uffiċjal pubbliku fl-istat ta’ Kalifornja. Meta kien membru tas-San Francisco Board of Supervisors, Milk ħadem biex jgħaddu liġijiet li jagħtu drittijiet lill-omosesswali. Imma l-ħajja politika tiegħu ntemmet ħesrem fis-sena 1978, meta uffiċjal pubbliku li kien kollega tiegħu qatel lil Harvey Milk fis-City Hall. Il-film bijografiku, li ħareg f’Jannar li għadda, rebaħ żewġ Academy Awards’.

Wara li jintwera l-film, l-udjenza tista’ tipparteċipa f’videokonferenza interattiva ma’ Elaine Noble, attivista Amerikana għad-drittijiet tal-omosesswali u li kienet membru tal- Kamra tar-Rappreżentanti fl-istat ta' Massachusetts. Fis-sena 1974, Ms Noble saret l-ewwel kandidat politiku ddikjarat gay li ġie elett bħala membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti fi stat Amerikan. Fis-sena 1977, hija pparteċipat fl-ewwel laqgħa fil-White House meta ġew diskussi id-drittijiet ċivili ta’ nies li huma lesbiċi, gay, bisesswali u transesswali.

Din l-attività se ssir fil-Main Quadrangle’ tal-Atriju M.A. Vassalli fl-Universita’ ta’ Malta llum il-Ġimgħa. Il-film jibda fit-8.00 ta’ filgħaxija u l-videokonferenza tibda fl-10.30 wara l-film.

L-Ambaxxata Amerikana u l-Malta Gay Rights Movement qegħdin jistiednu lilll-pubbliku biex jattendi għal din l-attività.

No comments:

Post a Comment