Wednesday 27 May 2009

Illum: Intervista - Louis Grech

http://www.illum.com.mt/2009/05/24/interview.html
Intervista | 24 ta’ Mejju 2009 Nr 134; Karl Stagno Navarra


Fl-interess nazzjonali u Ewropew

Karl Stagno-Navarra jintervista lid-Deputat Parlamentari Ewropew Louis Grech


Għall-Partit Laburista Louis Grech jista’ jitqies bħala wieħed mill-pedini importanti fil-proċess kollu tat-tisħiħ tal-partit wara snin fl-Oppożizzjoni. Il-bniedem għandu kariżma u jgawdi r-rispett tal-Laburisti u tan-Nazzjonalisti. Louis Grech mhux xi wiċċ ġdid għall-Maltin u l-Istorja turi li fejn kienet fdata f’idejh ċerta responsabbiltà rnexxielu jikseb ir-riżultati u fuq kollox kompla saħħaħ ir-rispett lejh.
Forsi mhux persuna li wieħed jista’ jfisser bħala ‘Laburist tipiku’ minħabba l-istil ta’ ħajja tiegħu. Iżda Louis Grech iħaddan il-kredenzjali taċ-Ċentru Xellug jew aħjar ta’ Soċjal-Demokratiku.
“In-nies tista’ tarani kif trid, iżda l-verità hi li jien Laburist, Soċjal-Demokratiku, jien progressiv … ” jinsisti meta staqsejtu kif jara lilu nnifsu fil-kwadru politiku lokali fejn il-preġudizzju tan-nies jagħmel tiegħu.
Jirrakkonta li ħames snin bħala Deputat Parlamentari Ewropew tawh esperjenza unika għall-fatt li fi ħdan il-Parlament Ewropew ħadem u qed jaspira li jkompli jaħdem f’qafas ta’ politika f’sens mill-aktar wiesa’.
“Veru li taħdem biex tħares l-interess nazzjonali, iżda fil-Parlament Ewropew taħdem ukoll f’kuntest aktar wiesa’ minn dak li hu esklussivament lokali. Fi Brussels taħdem għall-interess tal-ġid komuni Ewropew.
“Flus l-Ewropa, li fuq kollox jitqassmu wkoll għal Malta, huma fuq kollox flus li jinġabru mit-taxxi taċ-ċittadini Ewropej kollha, irrispettivament jekk humiex Maltin, Ġermaniżi, Taljani jew mod ieħor.
“Bħala Deputat Ewropew naħdem biex niddefendi l-interessi tal-Ewropej kollha, u fl-istess ħin inservi bħala tarka għall-interessi tal-Maltin,” jispjega.
Ħaġa interessanti li laqtitni f’Louis Grech hu l-fatt li jirrakkonta kif bejn vjaġġ u ieħor minn u lejn Brussels, jiġrilu xi ħaġa partikolari kull meta l-ajruplan jibda l-inżul tiegħu lejn Malta hekk kif jiskorri Sqallija.
“Għax aħna kif aħna f’Malta, kif jibda l-inżul nidħol fil-psikoloġija tad-difiża u jiġri l-kontra hekk kif inħalli Malta biex inkompli b’xogħli fil-Parlament.”
Jekk tieqaf u taħseb Grech qaxxar il-klima politika b’riflessjoni innoċenti, fejn minħabba l-istorja twila ta’ pika partiġġana f’pajjiżna, min hu fil-politika jħossu mġiegħel ikun dejjem fuq id-difiża flok ma jitħalla ħieles li jesprimi ħsibijietu u jwettaq ix-xogħol politiku meħtieġ.
“Mhux qed ngħid li xogħol il-politiku m’għandux ikun imkejjel mill-opinjoni pubblika, anzi dak hu importanti. Iżda l-fatt li l-politika partiġġana f’Malta hi bbażata fuq l-attakki personali u mgħammda b’aġendi u tidwir tal-verità, din iddejjaqqni ħafna,” isostni Louis Grech.
Il-ħajja ta’ Membru Parlamentari Ewropew mhix xi passiġġata. Hi impenjattiva ħafna u hu mgħobbi b’ħafna responsabbiltà, partikolarment meta jkun fdat bil-badġit tal-Unjoni Ewropea.
“Kif għedtlek, dawn huma flus it-taxxi taċ-ċittadini Ewropej u għalhekk ir-responsabbiltà ta’ kif u fejn għandhom jintefqu biljuni ta’ ewro kien jeħtieġ ġimgħat u xhur twal ta’ laqgħat u negozjati ma’ ħafna politiċi,” spjega Louis Grech li żied jitkellem fuq is-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-baġit kien approvat u l-konklużjonijiet dwaru kienu mfaħħra mill-istituzzjonijiet kollha.
Fil-Parlament Ewropew Grech jagħmel parti mill-Grupp Soċjalista (PSE), iżda minkejja dan – għaliex ma teżistix il-pika partiġġana – diversi kienu d-drabi fejn ħadem id f’id mad-deputati tal-PN fl-istess Parlament.
“Ma’ Simon Busuttil, li ġej mill-Partit Popolari, ħdimt u kburi li ħdimt miegħu fl-aħjar interess nazzjonali, l-aktar meta ġejna biex nitkellmu u nsostnu pożizzjoni fuq l-immigrazzjonin klandestina u l-Frontex, fejn flimkien ġbarna l-appoġġ tal-gruppi politiċi rispettivi tagħna u ksibna vot unanimu mill-Parlament,” sostna Louis Grech, li reġa’ nsista fuq kif qatt ma ta kas il-preġudizzji iżda jagħti kas biss dak li hu fl-interess nazzjonali u Ewropew.
Nistaqsi lil Grech jekk iħossux Soċjalista Progressiv – tifsira politika moderna għaċ-Ċentru Xellug – u jwieġeb li għalih din il-kelma li l-Ingliżi jfissru bħala ‘buzz word’ ma tantx tolqtu.
“Noqgħod attent ħafna mill-buzz words … nippreferi nqisha sew il-kelma ‘progressiv’, bħal ħafna buzz words oħra li tul ħajti ġew quddiemi u telqu bl-implikazzjonijiet ovvji li jġorru magħhom…”
Nidderieġi lil Grech jekk iħossux ‘Zapaterista’ kif inhi t-tendenza ta’ ħafna Soċjalisti tal-lum.
“Il-Prim Ministru Soċjalista Josè Louis Zapatero jħaddem il-politika tiegħu għaċ-ċirkostanżi ta’ Spanja. Issa Spanja għandha r-realtajiet u l-ħtiġiet speċifiċi tagħha….”

Ninterrompi lil Grech biex nirreferih għall-fatt li l-Partit Laburista f’Malta qed jimbotta l-għajta ta’ ‘progressiv’ u meta jgħid dan, diversi kummentaturi politiċi jsostnu li dan jimplika xaqliba lejn direzzjoni politika li tiffavorixxi l-introduzzjoni tad-divorzju u l-għarfien ta’ drittijiet ċivili għall-omosesswali.
“Huma temi reali għas-soċjetà Maltija. Huma temi li wieħed ma jistax jinjora u nistenna li l-pajjiż jadotta dibattitu serju u matur dwarhom. Malta ma tgħix f’bozza u żgur li mhux se nkun jien li ninħeba wara l-ipokrezija li sfortunatament huma ħafna l-politiċi li konvenjent jinħbew wara l-maskra tal-ipokrezija,” jwieġeb Grech.
“Jien bniedem li nobgħod u nibqa’ ’l bogħod kemm nista’ mill-preġudizzji u nittama li xi darba nifhmu lkoll li anqas ma jkollna preġudizzji, dan il-pajjiż jimxi aħjar. F’dan il-pajjiż flok niddiskutu u nfasslu politika tajba fl-oqsma kollha, moħħna biss fil-ħajjiet privata tan-nies, tal-politiċi, u din iddejjaqni ħafna. Jalla jasal iż-żmien li ħadd aktar ma jisserva bil-ħajja privata ta’ xi politiku biex mingħalih se jikseb xi vantaġġ politiku,” sostna.

Grech hu konxju li t-taqtigħa f’din l-elezzjoni hi waħda aktar ħarxa minn dik ta’ erba’ snin ilu. Isostni li minkejja l-kompetizzjoni iebsa minħabba l-kwalità u n-numru ta’ kandidati oħra li qed jikkontestaw fuq it-tikketta tal-Partit Laburista kif ukoll tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif mit-tendenzi li joħorġu minn elezzjonijiet bħal dawn joħroġ ċar li l-elettorat iħobb jesperimenta u jaqleb il-preferenzi.
“Dan hu vot nazzjonali u l-kwoti huma għoljin. Hawnhekk nistqarr li l-ħidma li bdejt matul dawn il-ħames snin li għaddew donnhom ħolma, għad fadlilha ħafna biex titwettaq, u beħsiebni nkompli nwettqħa sakemm Alla jagħtini s-saħħa.” Żied jgħid kif matul din il-kampanja elettorali qed jieħu ħsieb li jisma’ ferm aktar minn qatt qabel dak li qed jinkwieta n-nies.
“Il-poplu Malti għandu problemi kbar. Hawn faqar ġdid li jien irrid nindirizza bis-saħħa kollha, u nemmen ukoll li bħala poplu Ewropew jimmerita l-istess opportunitajiet daqs il-popli Ewropej l-oħra.”
Hawnhekk Grech jirreferini għall-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew kif ukoll fl-istitizzjonijiet tal-UE meta faqqgħet il-kwistjoni dwar il-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi.
“Dak li hu bi dritt għaċ-ċittadini Maltin, sew jekk kollettivament, sew jekk individwali, dak id-dritt jeħtieġ li jkun imħares, u dan hu xogħli bħala Deputat Parlamentari Ewropew u dan hu fuq kollox l-aktar prinċipju fundamentali għaliex Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.”
Fost l-affarijiet l-aktar impenjattivi għal Louis Grech jekk ikun ikkonfermat bħala Deputat Parlamentari Ewropew hemm li jkompli bil-ħidma diġà mibdija lejn aktar ħarsien għall-jeddijiet tal-konsumatur.
Bl-esperjenza tiegħu fis-settur tal-kummerċ u l-imprenditorja, biex ma nsemmux ukoll l-esperjenza tiegħu bħala ekonomista, Grech hu impenjat li l-Ewropa tħaddan il-leġiżlazzjoni li tippermetti ħarsien veru tad-drittijiet tal-konsumaturi.
“Qed nipproponi li titwaqqaf awtorità awtonoma u indipendenti li tagħraf tkejjel b’ġustizzja l-prezzijiet jew t-tariffi li jkunu mposti fuq il-konsumaturi, speċjalment minn dawk l-entitajiet li jipprovdu s-servizzi essenzjali bħad-dawl u l-ilma li l-lum jistgħu jkunu kemm tal-Gvern jew tal-privat. Hemm awtoritajiet li huma diġà mwaqqfa, iżda spiss jaqgħu servi tal-gvernijiet tal-ġurnata. Li nixtieq nara jien hi Awtorità li tkun l-għassiesa fil-veru sens tal-kelma għall-ġid tal-konsumatur.”
Grech hu konvint li l-Partit Laburista hu lest biex jiggverna f’Malta u minkejja s-snin fl-Oppożizzjoni jemmen li l-proċess ta’ bidla fi ħdan il-Partit, li tinkludi l-bidla fit-tmexxija, il-PL hu mimli impenn biex imexxi l-pajjiż u jkun tassew l-alternattiva ġusta.
Grech isostni li għalkemm mhux fl-istil tiegħu li jfittex il-glorja, jemmen iżda li l-karriera twila tiegħu fi ħdan kumpanniji tal-Istat, fosthom l-Air Malta, huma l-akbar sodisfazzjon tiegħu.
“Meta kont fdat fit-tmexxija tal-Air Malta wettaqt ħidmieti bl-akbar impenn lejn il-pajjiż. L-akbar sodisfazzjon tiegħi hu li l-għixien tal-Air Malta llum f’dawn iż-żminijiet diffiċli huma riżultat tal-fatt li rnexxieli nwettaq riforma fil-flotta tal-kumpannija u ksibna l-prezz tassew vantaġġjuż għal-linja tal-ajru li ppermetta l-vijabbiltà tal-ażjenda,” spjega.
“B’kollox nemmen li t-tmexxija tiegħi fl-Air Malta wasslet għal ristrutturar totali f’kull settur, fejn b’kollox hu stmat li ntqatgħu bi kważi 80 miljun f’dejn li kellha l-kumpanija.”
Bejn telefonata u oħra, Grech jurik li hu impenjat ħafna, u jispjega li se jkollu jtemm l-appuntament tal-intervista minħabba esiġenzi elettorali oħra madwar il-pajjiż.
“Ħajti saret dik li hi, iżda mhux qed naqta’ qalbi. Dejjem ilqajt l-isfidi, u din oħra li nikkunsidra bħala esperjenza ta’ maturità tul it-62 sena kemm ili ħaj,” itemm jgħid.

No comments:

Post a Comment