Tuesday 14 April 2009

It-Torċa: Tfal li jitrabbew minn ġenituri gay

[Dan l-artiklu għad mhux fuq il-website tat-Torċa s'issa.]
12.4.9 minn Gabi Calleja, Malta Gay Rights Movement

Fl-artiklu li deher fit-22 ta’ Marzu Fr Colin għamel bosta kummenti fir-rigward ta’ tfal li jitrabbew minn ġenituri gay. Fosthom li l-orjentament sesswali jikber fit-tfal meta jidentifikaw lilhom infushom jew mal-omm jew mal-missier. Hawnhekk Fr Colin qed iħawwad l-orjentament sesswali mal-identità tal-ġeneru, jiġifieri jekk wieħed jidentifikax bħala mara jew raġel u rwoli differenti li jassumu fis-soċjetà tagħna.

S’issa m’hemm l-ebda prova xjentifika li ta’ identifika biċ-ċar l-origini tal-orjentament sesswali ta’ dak li jkun. Studji li saru, fil-maġġoranza tagħhom fl-Istati Uniti, jindikaw li l-perċentwal ta’ tfal gay imrobbija minn koppji tal-istess sess huwa l-istess għal dak ta’ tfal imrobbija minn koppji omosesswali. Dan juri li l-orjentament sesswali ta’ dak li jkun ma jiddependix mill-orjantament sesswali tal-ġenituri. Xhieda ta’ dan ukoll hija il-fatt li
l-maġġoranza ta’ persuni gay trabbew minn ġenituri eterosesswali u minkejja dan l-orjentazzjoni sesswali tagħhom baqgħet dik omosesswali.

Il-Malta Gay Rigħts Movement ma tistennix mill-Istat id-dritt tal-adozzjoni għax dan id-dritt ma jeżisti għal ħadd. Il-possibbiltà li wieħed ikun ġenitur addottiv f’dan il-mument f’pajjiżna huwa ristrett għall-koppji miżżewġin u għal individwi ta’ ‘l fuq minn tletin sena mhux miġġewġa irrispettivament jekk ikunux gay jew le. Għalhekk dan id-dritt’ diġà jeżisti. Żgur li l-MGRM mhuwiex kontra l-adozzjoni tat-tfal minn persuni jew koppji gay. Imma, bħal f’kull ħaġa oħra li tirrigwarda lit-tfal id-diskors m’għandux idur fuq id-drittijiet għall-adozzjoni mill-adulti imma dwar dak li huwa fl-aħjar interess tat-tfal.

Hawnhekk l-MGRM, kif ukoll organizzazzjonijiet Ewropej bħal ILGA-Europe isostnu li huwa aħjar għat-tfal li fil-każ ta’ koppji gay fejn wieħed jew waħda mill-koppja diġà huma ġenituri li jkun hemm possibbiltà ta’ dik li
tissejjaħ second parent adoption’ għax din toffri aktar sigurtà u stabilità lit-tfal.
Insostnu wkoll li huwa bil-wisq aħjar għat-tfal li dawn jitrabbew f’ambjent ta’ familja, inkluż familja fejn il-ġenituri huma tal-istess sess, milli jkunu mrobbija f’istitut, u dan ukoll turih ir-riċerka.

Għalhekk il-pożizzjoni tal-MGRM hija li meta l-Istat jirristrinġi l-possibbiltà għall-adozzjoni għal koppji jew individwi eterosesswali, minkejja dak li qiegħda tgħidilna llum ix-xjenza u r-riċerka, ikun qed imur
kontra l-interessi tat-tfal u jillimita l-possibbiltà li ħafna aktar tfal fil-bżonn jikbru f’ambjent ta’ familja, b’ġenituri li jħobbuhom u li għandhom il-kapaċitajiet kollha biex jieħdu ħsiebhom u jrabbuhom b’mod xieraq.

No comments:

Post a Comment