Sunday 8 February 2009

It-Torċa: Omosesswali

8.2.9 minn Aleks Farrugia

“Tgħidx kemm għandhom qalbhom tajba u jafu jħobbu.” “Huma artistiċi aktar minn persuni oħra.” “Huma sensittivi aktar għall-problemi tal-proxxmu tagħhom.” “Għandna nagħdruhom u nħobbuhom.” “Nies bħall-oħrajn.”

Familjari dawn il-kummenti?

Min jaf kemm smajnihom fuq xi programm televiżiv jew ieħor li jitratta l-omosesswalità f’pajjiżna! Kummenti li, ikolli ngħid, jikxfuna dwar kif għadna nħarsu lejn l-omosesswalità u lejn l-omosesswali f’dan il-pajjiż; anke jekk min jagħmilhom ġeneralment huwa ġenwin u jħossu mimli bil-karità Kristjana.

Kull wieħed minn dawn il-kummenti jitlaq mill-prinċipju li hemm “aħna” u “huma”, jiġifieri li hemm kategorija ta’ nies “normali” u oħrajn li mhumiex. L-omosesswali, għalhekk, huma “l-oħrajn” u bħala tali kull azzjoni tagħhom ma tistax titqies jekk mhux fid-dawl tal-kategorija li jagħmlu parti minnha. Bħala “oħrajn” huma suġġetti għall-investigazzjonijiet tagħna, iridu jaqtgħulna l-għatx tal-kurżità tagħna, nippretendu minnhom li joqgħodu fil-vetrina (anke jekk din tkun tal-iskrin tat-televiżjoni) biex ngħarbluhom u nistudjawhom ħalli nkunu nistgħu ngħaddu l-ġudizzju tagħna dwarhom. Inħossu l-ħtieġa li niġġustifikawhom għax “twieldu hekk”, bħallikieku din tagħhom kienet għażla m’għandhomx id-dritt sagrosant li jagħmluha mingħajr ma jiġbdu fuqhom il-preġudizzju tal-bqija!

L-attributi superlattivi li jagħtu xbieha tal-omosesswali bħallikieku huma xi nies superdotati, qisu li l-preferenza sesswali tal-persuna tiddetermina l-abbiltajiet tagħha, huma wkoll frott il-preġudizzju. Bħalma huwa xhieda tal-preġudizzju li għadu jeżisti, il-fatt li programm televiżiv dwar l-omosesswali isir u ma jidhirx superfuwu u jġiegħel lill-poplu kollu jitkellem dwaru.

Ħadd ma joqgħod ikejjel l-abbiltajiet u l-kwalitajiet tal-eterosesswali. Jekk xi ħadd straight huwa aħdar (fis-sens ta’ kattiv) m’hemmx oġġezzjonijiet biex tiddefinixxih bħala “aħdar”. Lanqas jekk ikun rgħib, jew xi attribut ieħor negattiv. Li wieħed ikun konxju li jrid fil-prinċipju jiddetermina li persuna gay għandha t-tajjeb tagħha jew inkella li għandha xi kwalitajiet immaġinarji superjuri għall-bqija mhijiex għajr stqarrija mhix imlissna ta’ kuxjenza li qiegħda tammetti l-preġudizzju. Dawn l-istess superlattivi jistgħu saħansitra jkunu użati biex jikkompartimentalizzaw lill-istess omosesswali f’ċerti karrieri u jeskluduhom minn oħrajn jew inkella jkun mistenni minnhom li jwettqu ċerti ħwejjeġ li l-persuna nvoluta mhux neċessarjament tkun tħossha komda li tagħmel.

Dan bħall-preġudizzju li jitqajjem fuq familja fejn l-omm toħroġ taħdem u r-responsabbiltà tat-tfal taqa’ fuq il-missier. Għax il-preġudizzju popolari huwa li ħadd ma jrabbi ‘l ulied aħjar mill-omm, dik l-omm li tagħżel li tkompli l-karriera tagħha spiss tispiċċa ttimbrata li b’xi mod qiegħda tonqos lejn uliedha u l-missier li jiddeċiedi jieħu post l-omm bħala li qiegħed jonqos mid-dmir tiegħu li jġib il-ħobża tal-kuljum lejn id-dar - biex ma ngħidu xejn dwar l-attributi li jingħatawlu dwar il-valur tal-maskulinità tiegħu.

L-għerq ta’ dan kollu jinsab fin-nuqqas ta’ adattabilità; fejn min jisfida n-normi u d-dommi dominanti fis-soċjetà b’xi mod qisu jrid jiġġustifika l-istil ta’ għajxien tiegħu u awtomatikament jispiċċa klassifikat skont dik l-“anormalità” mill-bqija. L-ironija hi li kull bniedem b’xi mod jitrasgredixxi “l-kejl tan-normalità”; min fil-miftuħ u min b’mod aktar diskret. Forsi għax wara kollox “in-normalità” mhijiex xi liġi mħażża fin-natura imma purament konvenzjoni soċjali ġejja minn kumpless ta’ strateġiji ta’ poter (fejn il-poter mhux neċessarjament jinftiehem bħala s-setgħa ta’ xi forza politika jew ekkleżjastika, imma anke l-poter soċjali li naqsmu bejnietna ta’ kuljum fir-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin).

1 comment:

  1. Kummenti eccellenti u ovvji. Fl-imghoddi kienu jqisuna biss ghall-"entertainment value" matul il-Karnival u wirjiet (drag shows) bhal dawk li kienu jsiru fil-Klondyke il-Furjana. Issa ghax ahna sensittivi, bravi, artisti, hairdressers mill-ahjar u cucati bhal dawn li sfortunament xi whud mill-omosesswali stess ghadhom jemmnu fihom.
    Joseph Carmel Chetcuti

    ReplyDelete