Monday 16 February 2009

It-Torċa: Il-Papa u l-omosesswali

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=7866
15.2.9 minn Omosesswali, Ħamrun

Inkompli ma’ dak li kiteb l-omosesswali fit-TORĊA tal-Ħadd 11-1-09. Jiena wkoll nisrani kattoliku, li bl-istqarrija li għamel il-Papa, aħna l-omosesswali konna nsulentati u kienet insulentata l-intelliġenza tagħna bħala bnedmin. Mela għax hu l-Papa jista’ jgħid li jrid mingħajr ma jqis il-konsegwenzi ta’ wara?

Il-persistenza tal-Papa dwarna l-omosesswali qiegħda żżid il-mibgħeda u l-intolleranza kontrina, fejn qiegħda twassal messaġġ żbaljat ta’ ħsara kontrina inġustament u l-opinjoni pubblika qiegħda tkun manipulata kontrina li aħna nies ħżiena u kundannabbli meta fir-realtà dan mhux minnu. Din mhix il-verità. Il-Papa qed jagħmel ħsara b’għemilu stess lill-istess knisja kattolika tagħna għax ħafna fidili qiegħdin jitilfu l-fiduċja u l-fidi fit-tagħlim nisrani tagħna.

Fejn hu t-tagħlim tal-Papa meta jgħallem dwar il-ħarsien tad-drittijiet u d-difiża tal-bniedem b’ġustizzja, bi trasparenza u valuri fuq is-solidarjetà kontra l-inugwaljanzi soċjali inġusti? Fejn hi l-koperazzjoni, l-imħabba u rikonċiljazzjoni bejn kulħadd? Għax hu meta jitkellem fuqna l-omosesswali jiddistingwina minn dan it-tagħlim. Meta aħna żgur b’ħajjitna qatt ma konna ta’ distruzzjoni għax-xogħol t’Alla jew qatt konna ta’ ħsara lejn l-eterosesswali.

B’dan kollu jidher ċar li l-Papa jew ta’ madwaru huma preġudikati kontrina l-omosesswali u qiegħdin jimponu din l-istrateġija bi skop kontrina, għax jafu li qiegħdin niksbu l-fiduċja tal-Ġnus Magħquda fejn daħħlet riżoluzzjoni dwar id-diskriminazzjoni universali ta’ relazzjonijiet bejn persuni omosesswali u kif wettqet snin ilu l-Unjoni Ewropea fil-liġijiet u r-riżoluzzjonijiet tagħna, li issa huma tagħha wkoll, għax aħna membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-Papa stess b’diskorsu weġġa’ bil-kbir u waqqa’ l-moral ta’ sħabu r-reliġjużi, lajċi u għaqdiet oħra reliġjużi u komunitarji li hemm, fosthom ħafna omosesswali; weġġa’ ġenituri u qraba, weġġa’ ħafna nies fosthom lilna l-omosesswali li ma jistħoqqilniex hekk mingħand il-Papa għax fil-kuxjenza tagħna m’għandna xejn kontra Alla. Alla huwa ta’ kulħadd u jħobb lil kulħadd.

Kburin flimkien b’unur u dinjità li aħna ħolqien t’Alla għax Alla jħobbna u jberikna fil-ħajja tagħna, fis-saħħa u fuq xogħolna, għax flimkien aħna komunità li nagħmlu parti minn kull qasam tas-soċjetà tagħna.

Imberkin dawk li bit-tagħlim tagħhom ixandru u jħarsu d-drittijiet, l-imħabba u l-ħajja sabiħa ta’ kulħadd b’eżempji tajbin u ta’ ġid li jnisslu tama, fiduċja u kuraġġ mingħajr preġudizzji, diskriminazzjoni, intimidazzjoni, vjolenza, inġustizzja, intollerenza u stress psikoloġiku.

Flimkien ma rridux naqtgħu qalbna. It-tama u l-lealtà tagħna bħala kattoliċi huma lejn Alla l-Imbierek billi nibqgħu nħarsu l-kmandamenti u l-preċetti fil-knisja tagħna.

Jiena nistenna apoloġija pubblika mill-Papa dwar dak li qal kontrina meta fir-realtà l-Papa jaf sewwa bil-problemi kbar li hawn u min qed joħloqhom u jkunu ta’ distruzzjoni għax-xogħol t’Alla. Żgur li mhux aħna l-omosesswali.

No comments:

Post a Comment