Sunday 18 January 2009

It-Torċa: Il-pożizzjoni tal-Vatikan

18.1.9 minn De Molay, Pembroke

Qrajt b’interess diversi ittri rigward il-pożizzjoni tal-Vatikan dwar l-omosesswalità [ara hawn, u hawn]. Bir-rispett kollu għal min jemmen li l-Bibbja għandha tkun il-punt tar-referenza f’dan il-każ ma nistax nifhem kif il-knisja kontradittorjament tgħallem li Alla ħalaq kollox u lil kulħadd, u fl- istess waqt tikkundanna l-ħolqien tiegħu rigward l-omosesswali!

Għaliex skont il-knisja Alla ħalaq bniedem li kapaċi jħobb b’mod intimu, bniedem tal-istess sess tiegħu biss? Biex jastjeni mis-sess? Din x’tip ta’ mħabba hi? Kif jista’ jkun li Alla ħanin joħloq bniedem b’ġibdiet u fl-istess waqt iċaħħdu milli jesprimihom b’mod dinjituż.

Il-knisja donnha qiegħda tinsa l-kontroversji interni rigward iċ-ċelibat impost fuq il-ministri tagħha u trid terġa’ timponihom fuq ħaddieħor. Għaliex għandna nibbażaw ħajjitna fuq kotba reliġjużi li ma teżisti l-ebda prova kemm huma l-kelma t’Alla? Żgur li Alla, li kien kapaċi joħloq dan kollu, ma kellu bżonn ebda uman biex jiktiblu ħsibijietu.

Għal min hu kapaċi jaħseb b’moħħu, il-kelma t’Alla tista’ tinqara minn dak kollu li għandna madwarna. Iżda dan ma jistax isir qabel wieħed inaddaf moħħu mill-għanqbut prodott minn brimb b’dommi reliġjużi.

Fuq kollox, m’ilux wisq, Papa wisq maħbub iddikjara li r-reliġjonijiet kollha jaduraw lill-istess Alla. Allura wieħed jistaqsi: La kollha jaduraw lill-istess Alla, kif il-kotba mqaddsa tagħhom ma jaq- blux fuq affarijiet fundamentali, bħal ngħidu aħna, il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu?

Personalment inħoss li għandi nirringrazzja ’l Alla, xortija jew l-istilel mhux għax m’iniex omosesswali iżda għax m’għandix għalfejn inħabbat wiċċi mal-problemi inutli li jiltaqgħu magħhom dawn l-individwi. Inħoss li huwa egostiku u prepotenti minn min tant iqis lilu nnifsu superjuri, li jimponi l-mod kif għandu jħobb ħaddieħor.

Nistenna li issa xi ħadd joħ-roġ ibeżżgħana bin-nar tal-infern. Ma nieħu xejn bi kbir meta l-Vatikan donnu sejjer lura għall-medjuevu, meta l-knisja xwiet tant nies, ħafna minnhom omosesswali. Imma dan inħafer għax sar in bona fede, u fuq kollox f’isem Alla.

No comments:

Post a Comment