Tuesday 9 September 2008

It-Torċa: Kuxjenza nfurmata ma tikkundannakx

Din hi t-tieni parti ta' l-istorja fuq l-Isqof Gumbleton. L-ewwel parti tista' taraha hawn.
www.it-torca.com (Dan l-artiklu mhux fuq is-sit s'issa)
7.9.8 Minn SAMMY SAMMUT

"Dejjem Uliedna" kien l-isem adattat li ngħata lil Ittra Pastorali mill-aktar importanti li ħarġu l-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti tal-Amerika, fejn huma jesprimu kompassjoni u assigurazzjoni speċjalment lill-ġenituri fejn hemm persuna gay jew lesbjana. "L-iskop tagħna kien li nassigurawhom li dawn uliedhom huma maħbubin minn Alla. Li m’għandhomx jiġu kkundannati. Li m’għandhomx ikunu miċħudin. Iżda li għandhom ikunu għal kollox aċċettati hekk kif inhuma. U dak kien pass importanti ħafna minn naħa tal-Knisja u ta’ l-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani, inizjattiva li għenet mhux ftit lil ħafna ġenituri", jgħid l-Isqof Thomas J. Gumbleton.

Huwa jgħid li xi ġenituri ta’ persuni omosesswali rreaġixxew billi qalu: m’hemmx għalfejn tgħidli biex inħobb lill-ibni. Jien ġenitur, u se nħobb lill-ibni jgħid x’jgħid l-Isqof’. Madankollu matul is-snin, il-Knisja kienet iebsa wisq fil-kundanna tagħha lejn l-omosesswalità bla qatt qabel ma kienet tagħmel distinzjoni bejn dik li hi orjentazzjoni u l-attività nnifisha. Minħabba f’hekk, ħafna kienu dawk il-ġenituri li kienu għal kollox konfużi u ħasbu li kellhom jiċħdu lill-uliedhom. Ħasbu li uliedhom ma jistgħu qatt ikunu aċċettati u maħbubin minn Alla.

Daqstant ieħor kien hemm ħafna persuni gay li internament kienu ta’ l-istess konvinzjoni: Alla lili qatt ma jista’ jħobbni hekk kif jien, għax hemm xi ħaġa ħażina fija. gur li jien mżeblaħ u miċħud minn Alla’. B’dan it-tip ta’ raġunar, dawn jiċħdu lilhom infushom u pass pass jibdew litteralment ikissru lilhom infushom.






















L-Isqof Gumbleton


"Il-kwistjoni kollha tal-omosesswalità tinħtieġ bidla tremenda fil-mod ta’ kif in-nies jaħsbu il-persuna gay, il-familja, u l-ġenituri b’mod partikolari. Għalhekk, il-fatt li l-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti kienu kapaċi jgħidu dan, kien importanti. Infatti, aħna nsegwu t-tagħlim
tal-Knisja. U jien ivvutajt favur dik l-Ittra Pastorali u ċertament li nsegwiha attentament", jikkummenta l-Isqof Gumbleton.

Jispjega li "f’din l-Ittra Pastorali nagħmluha ċara li t-tagħlim Kattoliku huwa li l-attività omosesswali hija ħażina. Issa mbagħad hemm l-orjentazzjoni omosesswali jiġifieri għall-Knisja m’hemm xejn ħażin li tkun gay. U għalhekk tista’ tħobb għal kollox lilek innifsek, taċċetta lilek innifsek, eċċ. Iżda t-tagħlim Kattoliku sal-lum għadu jgħid li l-attività omosesswali hija ħażina."

Għalkemm wieħed ma jistax jgħid eżatt kemm hemm, però żgur li persentaġġ għoli ħafna ta’ persuni gay isibu dan kollu kontradittorju u diffiċli ħafna għalihom li jaċċettawh. U probabbilment ħafna ma jistghux jaċċettawh dik li jkollok orjentazzjoni iżda b’xi mod ma tista’ qatt taġixxi fuqha. Għax diffiċli ħafna li taċċetta li ħajtek se tkun mċaħħda minn kull tip ta’ intimità sesswali f’kull stadju ta’ ħajtek. U l-mistoqsija tiġi weħidha: Allura persuni bħal dawn x’jagħmlu, speċjalment fid-dawl tal-fatt li m’huma qed jagħmlu ħsara, jabbuża jew iweġġgħu lil ħadd?

"Jien ngħidilhom li huma għandhom jagħmlu dak li tagħmel kull persuna umana. Għandek tkompli titqabad biex issib mezz kif tintegra s-sesswalità tiegħek f’imġieba sana u spiritwalment tajba f’ħajtek. U dan jien ngħidu bħala persuna li ħaddant iċ-ċelibat. Ikolli nitgħallem u dan ma jsirx meta tieħu l-vot tal-kastità fl-ordinazzjoni tiegħek kif tista’ xorta tibqa’ persuna sesswali u tidħol fi ħbiberiji u ħbiberiji profondi u xorta tibqa’ ċelibi. Trid titgħallem kif tintegra dak li int bħala persuna sesswali f’ħajtek kollha. Din trid tkun integrazzjoni sana, u hemm modi xejn sani kif tkun ċelibi.

"Jiġifieri tista’ tgħakkes is-sesswalità tiegħek. Imma mbagħad, s’intendi, tista’ taġixxi b’modi diversi li m’humiex sani, meta tgħakkes parti importanti ħafna mill-persuna sħiħa tiegħek. Għalhekk trid titgħallem kif tintegra s-sesswalità tiegħek, iżżomm l-impenn tiegħek tal-kastità, u minkejja dan tikber b’mod san kemm psikoloġikament kif ukoll spiritwalment", jispjega l-Isqof Gumbleton.

Iżda kif japplika dan kollu għal persuna omosesswali? Huwa jwieġeb: "Matul is-snin tal-ħajja tagħhom dawn iridu jitqabdu ma’ din il-ħaġa. U jien ngħidilhom biex jieħdu kont ta’ dak li tgħid l-Iskrittura. Trid tieħu kont ta’ x’inhu t-tagħlim Kattoliku. Trid tifhem u tagħraf x’inhi r-rieda ta’ Alla għalik. Trid titkellem u tikkonsulta mad-diretturi spiritwali u ma’ min taf li kapaċi jagħtik pariri tajbin. U mbagħad, trid titħabat biex issib mezz kif int, bħala persuna, tikber f’persuna sħiħa fejn f’ħajtek tintegra s-sesswalità tiegħek.

"U waqt li tagħmel dan ftakar fit-tagħlim tal-knisja, li għadu tradizzjonali. Dak li aħna nsejħu l-primat tal-kuxjenza fuq kull ħaġa oħra, jien irrid nagħti kont lil Alla għal dak li ngħid, u dwar l-għażliet li nagħmel. U f’din it-taqbida tiegħek, meta tagħmel ċertu għażliet b’mod kemm jista’ jkun akkurat, tkun qed tagħmel dan skond il-konvinzjonijiet qawwija tal-kuxjenza tiegħek.

"Meta tagħmel dan ma tkunx ikkundannat minn Alla, ma tistax tkun, jekk tassew timxi skond kif tiddettalek il-kuxjenza tiegħek. Għax din tkun kuxjenza infurmata, ibbażata fuq id-dixxernament li tkun għamilt ta’ l-Iskrittura, tat-tagħlim Kattoliku, tal-ħajja tat-talb tiegħek u fuq dawk il-pariri mogħtijin lilek mid-diretturi spiritwali tiegħek, eċċ. "Imbagħad trid tibqa’ tipprova tikber fil-persuna l-aktar kompleta u sana li tista’ tkun. Ma nħossx li nista’ ngħid lil xi ħadd ieħor x’inhu l-aħjar mod għalih jew għaliha kif għandha taġixxi. Dan iridu jitgħallmuh huma, u jintegrawh fil-ħajja tagħhom. U jekk huma jsegwu l-kuxjenza tagħhom b’mod sinċier u awtentiku, allura huma qatt ma jistgħu jiġu kkundannati minn Alla". Mistoqsi jekk iħossux komdu bit-tagħlim tal-Knisja dwar l-omosesswalità, l-Isqof Gumbleton jispjega kif il-Knisja, matul is-sekli, ipprovat tgħallem dwar is-sesswalità fil-ħajja ta’ min ma jkunx miżżewweġ, fil-ħajja miżżewġa, fil-ħajja omosesswali, u dan it-tagħlim evolva matul is-snin, kif wara kollox ġara fil-każ ta’ kull tagħlim ieħor morali fi ħdan il-Knisja.

"Aktar ma nitgħallmu u nifhmu affarijiet ġodda, it-tagħlim jevolvi dejjem aktar. Mitt sena ilu, f’pajjiżi, l-Isqfijiet Kattoliċi mhux biss kienu jaċċettaw l-iskjavitù iżda kienu jinsistu li dan kien għal kollox ġustifikat. Iżda llum m’għadekx issib persuna waħda fil-Knisja li jgħid dan. L-istess qed jiġri fil-każ tal-piena kapitali. Sa ftit snin ilu, il-Knisja Kattolika xejn ma kienet tlaqlaq fl-appoġġ tagħha għall-piena kapitali mingħajr l-ebda limitazzjoni ta’ xejn. Iżda mbagħad, il-Papa mar quddiem il-Ġnus Magħquda u ddikjara: Le, m’hemm l-ebda mod kif wieħed jista’ jiġġustifika l-piena kapitali fid-dinja li fiha ngħixu.’

"U allura qegħdin nifhmu b’mod differenti d-dinja li fiha qegħdin ngħixu u allura t-tagħlim tagħna jaġġusta ruħu bl-istess mod. Ara fir-rigward tal-ħajja miżżewġa, kien hemm żmien meta l-Knisja Kattolika kienet tgħallem li jekk mhux biex iġibu t-tfal fid-dinja, persuni miżżewġin ma setgħux ikollhom x’jaqsmu sesswalment flimkien u fl-istess ħin ma jagħmlux dnub għax ikunu qegħdin jagħmlu dan għall-pjaċir tagħhom. Iżda llum żgur li jkun hemm min jiskanta jekk jisma’ xi ħaġa simili. Minkejja dan, hekk konna naħsbu u ngħallmu.

"Illum wieħed jifhem ferm aktar l-importanza ta’ l-intimità u l-intimità sesswali fi ħdan iż-żwieġ bħala mezz li jkabbar u jsaħħaħ ir-rabta bejn żewġ persuni. U li r-relazzjoni sesswali hija parti mill-aktar importanti tar-relazzjoni kollha taż-żwieġ. U f’dan kollu m’hemm xejn ħażin. B’għarfien akbar indunajna li dawn l-affarijiet m’għandhom ikollhom l-ebda ombra ta’ dnub".

L-Isqof Gumbleton ifakkar ukoll f’dak li kiteb l-Papa Ġwanni Pawlu nnifsu dwar il-ħajja miżżewġa u jiddiskrivih bħala mill-aktar idealistiku u sabiħ, waqt li joffri l-akbar appoġġ. Jgħid li dan kollu huwa riżultat ta’ għarfien akbar ta’ kemm l-intimità sesswali hija parti importanti fil-ħajja miżżewġa. L-Isqof Gumbleton jesprimi wkoll id-diżappunt tiegħu li għad ma wasalniex għall-istess għarfien ċar u finali fir-rigward ta’ l-omosesswalità. Anke mill-punt psikoloġiku u xjentifiku.

Allura, personalment, kemm iħossu komdu l-Isqof Gumbleton bit-tagħlim tal-Knisja fejn tidħol l-omosesswalità. Huwa jwieġeb: "Ngħid is-sew inħossni xi ftit skomdu dwar dan. Jista’ jkun ġej mill-fatt li darba minnhom, missier li ibnu beda jirrealizza li huwa gay, kien qalli: kif nista’ ngħid lill-ibni li huwa diżordinat?’ li huma l-kliem użati fid-dokument Papali.

"U jien ngħid lili nnifsi li kieku jien kont missier, żgur li ma nasal qatt li ngħid lill-ibni jew lil binti, "inti instrinsikament diżordinat u l-qofol tal-ħażen’. Dik hija ħaġa teribbli li qatt tista’ tgħid dwar ibnek. U jien ma nista’ qatt nemmen li dan huwa minnu. Li persuna tista’ tkun essenzjalment diżordinata, b’dan il-mod. Għalhekk jien naħseb li dawk huma kliem krudili u xejn ġustifikati, u jien bl-ebda mod qatt ma nista’ nippretendi lil xi ġenitur li jasal biex jgħid dan lill-ibnu jew lil binha".

Mela allura kif għandna nħarsu lejn ir-riġidità tal-Knisja fuq kwistjonijiet bħalma hija l-omosesswalita fil-kuntest ta’ l-istorja tal-Knisja matul is-sekli?

"Matul is-sekli, il-Knisja għamlet minn kollox biex tifhem u tagħraf il-verità u biex tgħallem il-verità kif rivelata minn Alla u speċjalment permezz ta’ Ġesù Kristu. U kien hemm diversi żminijiet fejn il-Knisja istituzzjonali u t-tmexxija tagħha ħassew li kellhom t-tweġiba sħiħa. U għalhekk kien hemm perijodi ta’ ripressjoni fi ħdan il-Knisja fejn jidħol il-ħsieb u l-iżvilupp tal-ħsieb, eċċ.

"Allura ma naħsibx li hemm xi papat wieħed li jista’ jiġi identifikat bħala papat fejn kien l-uniku żmien li dan qatt seħħ. M’għandniex għalfejn immorru ħafna l bogħod. Bħala eżempju ngħidu li mill-bidu tas-Seklu Għoxrin sa meta sar l-Konċilju Vatikan it-Tieni fl-1962, kien hemm ħafna teologi li ġew msikktin u ordnati li ma jitkellmux fil-pubbliku jew li jippubblikaw xogħlijiet minn tagħhom, apparti li kien hemm ukoll oħrajn li sfaw ikkundannati uffiċjalment. Minkejja dan, però, dawn l-istess teologi f’daqqa waħda saru l-esperti tal-Konċilju Vatikan it-Tieni u l-affarijiet li fl-imgħoddi kienu kkundannati, ġew aċċettati u kkonfermati.

"Għalhekk, għalija, dan jerġa jagħti prova li huwa ħażin għall-Knisja, b’mod uffiċjali jew b’xi mod ieħor, li tipprova twaqqaf l-iżvilupp tal-ħsieb, l-iżvilupp ta’ l-ideat, l-evoluzzjoni tal-ftehim dwar kwistjonijiet varji. Għax, xi darba għad nintebħu li dawk li sfaw msikktin kienu tassew qegħdin jgħidu l-verità", isostni l-Isqof Gumbleton.



Paċifist iżda kontroversjali

L-Isqof Awżilarju Emeritu ta’ Detroit, Dr Thomas Gumbleton huwa magħruf bħala wieħed mill-aktar Isqfijiet Kattoliċi Amerikani kontroversjali billi kemm-il darba esprima oppożizzjoni għat-tagħlim uffiċjali tal-Knisja Kattolika, partikolarment dak dwar l-omosesswalità. Fl-istess waqt huwa rikonoxxut bħala pacifist u wieħed mill-aktar isqfijiet liberali fl-Istati Uniti.

















L-Isqof Gumbleton


B’mod konsistenti jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-għaqda New Ways Ministry, u għamel diversi appelli lil qassisin u isqfijiet gay biex "jiddikjaraw x’inhuma" u jkunu sinċieri magħhom infushom u ma’ dawk ta’ madwarhom. Kemm-il darba jkun mistieden jindirizza konferenzi, fosthom dawk organizzati minn Call for Action, fejn jiddiskuti suġġetti varji ma’ personalitajiet kattoliċi liberali, bħalma huma Hans Kung u l-Isqof Jacques Gaillot.

Fatt interessanti kien meta għal għas-servizz liturġiku fi knisja kien libes mitra li mas-salib kellha wkoll is-simboli tal-qawsalla u t-trianglu roża, li jissimbolizza d-drittijiet ta’ persuni omosesswali u li kien jintuża min-Nażżisti fil-kampijiet ta’ konċentrament biex jiddentifikaw persuni gay. Kien ukoll ħoloq kontroversja fl-2005 meta ħabbar li ma kienx se jibgħat l-ittra mandatorja ta’ riżenja mill-kariga tiegħu kif kull isqof huwa obbligat li jagħmel kif jagħlaq l-età ta’ 75 sena. Minflok kien kiteb u talab biex ikompli b’ħidmietu, "għax hija ħaġa arbitrarja kif lil xi wħud jinjorawhom, iżda jekk tinzerta li tkun xi ftit progressiv, immedjatament jaċċettaw ir-riżenja tiegħek". Huwa kien sfurzat jirtira sena wara, fl-età ta’ 76 sena.

L-Isqof Gumbleton kemm-il darba ġibed l-attenzjoni permezz ta’ protesti pubbliċi kontra azzjonijiet vjolenti. Fl-1999 kien ġie arrestat barra l-White House flimkien ma’ ħdax-il persuna oħrajn li kienu qegħdin jipprotestaw kontra l-gwerra, "għax kienu qed jiksru l-paċi pubblika".

Kemm-il darba semma’ leħnu kontra l-gwerra fl-Iraq, fejn għal darba oħra safa’ arrestat barra l-White House minħabba "diżubbidjenza ċivili", flimkien ma’ l-Isqof Metodist C. Joseph Sprague, ir-Rabbi Arthur Waskow, ir-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi Mairead Corrigan Maguire u Jody Williams u membri oħrajn ta’ għaqdiet li jiġġieldu favur il-paċi. Iddistingwa ruħu bħala li kien l-uniku Isqof Kattoliku Ruman fl-Amerika li ħa sehem f’azzjoni simili bi proteta kontra l-gwerra. Barra minn hekk, fl-imgħoddi, huwa kien ukoll arrestat kemm-il darba minħabba sehmu waqt protesti kontra l-armi nukleari.

Ftit ta’ żmien ilu kien ukoll ġibed l-attenzjoni tal-midja bl-aħbar li meta kien għadu żagħżugħ adoloxxenti fis-seminarju kien ġie abbużat sesswalment minn qassis. L-Isqof Gumbleton iddikjara: "Ma rridx nesaġera iżda dan il-fatt kien effettwani ħażin ferm. Ma kienx it-tip ta’ abbuż sesswali li ħafna mill-vittmi jesperjenzaw", waqt li jkompli jispjega kif "dawn jiġu intimidati, imbarrazati, u kull ma jagħmlu hu li jidfnu kollox fihom infushom. Jien nista’ nifhimhom għax jien qatt ma kont għidt xejn lill-ġenituri tiegħi". Jgħid li kien qed jgħid dan biex jinkoraġġixxi persuni Kattoliċi li sfaw abbużati biex iressqu l quddiem l-ilmenti tagħhom permezz tal-mezzi uffiċjali.

Matul ħajtu, l-Isqof Gumbleton rebaħ għadd kbir ta’ premjijiet, fosthom l-Isaac Hecker Peacemaker, Pacem in Terris Award, Public Citizen of the Year mill-Assoċjazzjoni tas-Social Workers, mill-Institute for Peace and Justice, il-Justice and Peace Medal, il-premju mill-Jewish National Fund, mill-Palestine Aid Society, Spirit of Detroit Award, l-Alliance for Nuclear Accountability, l-Humanitarian Award, Prophets of Peace Award, Civic & Humanitarian Award, Community Peace Maker Award u l-Global Peace Award.

No comments:

Post a Comment