Monday 4 August 2008

It-Torċa: Titubar kontra l-Mibgħeda

(Dan l-artiklu mhux fuq is-sit http://www.it-torca.com s'issa)
3.8.8; Minn SAMMY SAMMUT

Il-mibgħeda hija xi ħaġa mill-aktar kerha u ta' min jistmerraha għax twassal lill-bniedem uman li jaġixxi agħar minn annimal. Il-mibgħeda hija terminu li jmur aktar 'il hemm milli wieħed jikkawża offiża jew juri ċertu ostilità. Reat ta' mibgħeda huwa kull offiża kriminali mwettqa kontra persuna jew proprjetà u li tkun immotivata mill-mibgħeda li jkollu dak li jwettaqha kontra xi ħadd minħabba r-razza, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, ir-reliġjon jew twemmin, ix-xorta tas-sess, l-orjentament sesswali tiegħu jew id-diżabilità li jkun ibati minnha.

Ir-reati ta' mibgħeda jistgħu jieħdu forom diversi: attakki fiżiċi – bħal assalt fiżiku, ħsara lill-proprjetà, graffitti offensivi u ħruq mqabbad apposta; theddid ta' xi attakk – inkluż ittri offensivi, telefonati abbużivi jew oxxeni, tlajjar fi gruppi biex jintimidaw u ilmenti nfondati jew malizzjużi; abbużi jew insulti verbali – li jistgħu jinkludu fuljetti jew posters offensivi, ġesti abbużivi, twaddib ta' skart quddiem djar, kif ukoll bullying fl-iskola jew iffittar fuq il-post tax-xogħol. Però, definizzjoni komuni ta' reat ta' mibgħeda hija: kull inċident, li jikkostitwixxi offiża kriminali, li l-vittma jew kull persuna oħra tħoss li huwa mmotivat mill-preġudizzju jew mibgħeda.

F'dawn l-aħħar snin, it-tħassib dwar reati ta' mibgħeda sar dejjem aktar prominenti fost dawk li jfasslu l-politika f'ħafna pajjiżi u fil-livelli kollha tal-gvern, iżda dan il-fenomenu m'huwiex xi wieħed ġdid. Eżempji mill-passat jinkludu l-persekuzzjoni Rumana kontra l-Insara, il-ġenoċidju Ottoman ta' l-Armeni, is-'soluzzjoni finali' tan-Nażżisti għal-Lhud, u aktar riċenti, it-tindif etniku fil-Bosnija u l-ġenoċidju fir-Rwanda. F'ħafna każi, ir-reati ta' mibgħeda fasslu u ġieli wkoll iddefinew l-istorja dinjija.

Dan wassal għal żvilupp leġislattiv li mhux biss iqies kull offiża mmotivata mill-mibgħeda bħala reat kriminali distint, iżda wkoll bħala aggravju għal pieni eħrex u bħala raġuni distinta għal azzjoni ċivili.

Huma diversi r-raġunijiet li wasslu għal dan, fosthom għax reati simili kapaċi jipprovokaw reati ta' ritaljazzjoni, jikkawżaw ħsara emozzjonali distinta fil-vittmi, u jinċitaw aġitazzjoni fil-komunità.

Hija ħaġa raġunata li minn fost id-diversi tipi ta' reati kriminali li l-aktar li għandhom iġorru pieni ħorox huma dawk li kapaċi jeqirdu s-sigurtà u l-paċi pubblika. Aktar minn hekk, jingħad li meta l-għeruq ta' l-identità ta' persuna tkun attakkata, il-vittma tiġi degradata severament u mneżża' mill-umanità tagħha, b'possibiltà kbira li jirriżultaw aktar problemi emozzjonali u psikoloġiċi.

Ir-reati ta' mibgħeda kapaċi jagħmlu ħafna aktar ħsara minn hekk, għax mhux biss jikkaġunaw ħsara fiżika u emozzjonali li ma tistax tkun ikkalkulata, iżda wkoll iċarrtu l-fibra vera tas-soċjetà ħielsa. Reati mmotivati mill-mibgħeda ta' għira lejn gruppi partikulari mhux biss jikkaġunaw ħsara individwali fil-vittmi tagħhom iżda wkoll jibgħatu messaġġ qawwi ta' intolleranza u diskriminazzjoni lejn il-membri kollha tal-grupp li lejh tkun tappartjeni l-vittma.

Reati ta' mibgħeda jistgħu u fil-fatt jintimidaw u jħarbtu l-ħajja normali ta' komunitajiet sħaħ u jgħarrqu l-ċiviltà li hija essenzjali għal proċessi demokratikament b'saħħithom. F'soċjetà demokratika, ċittadini ma jistgħux ikunu meħtieġa japprovaw it-twemmin jew il-prattiċi ta' oħrajn, iżda min-naħa l-oħra m'għandhom qatt jikkommettu atti kriminali minħabba fihom.

Minkejja kollox, però, reati ta' mibgħeda huma realtà li naraw u nassistu għaliha tista' tgħid f'kull rokna tal-kontinent Ewropew.

Rapporti riċenti u ta' min joqgħod fuqhom juru li għad hawn ħafna persuni li jsofru vjolenza minħabba li huma suwed, Lhud, żingari jew Musulmani, jew minħabba l-orjentament sesswali jew x-xorta tas-sess tagħhom. Dawn jagħtu eżempji ta' kif individwi ġew fiżikament attakkati fit-triq, kellhom it-twieqi mkissrin jew d-djar tagħhom mogħtijin in-nar. Jagħtu wkoll prova tal-periklu li jeżisti jekk il-preġudzzji kontra oħrajn jitħallew jaqbdu l-għeruq u jinfirxu. Għax sfortunatament, il-pass mid-diskors mimli mibgħeda għat-twettiq ta' reati ta' mibgħeda huwa wieħed faċli ħafna li jsir.

Dan kollu saħansitra wassal lill-Kummissarju tal-Kunsill ta' l-Ewropa għad-Drittijiet Umani, Thomas Hammarber, biex fil-jiem li għaddew iddeskriva r-reati ta' mibgħeda bħala li huma "l-wiċċ ikraħ tar-razziżmu, anti-Semitiżmu, anti-Żingariżmu, Iżlamofobija u l-omofobija", waqt li sostna li l-awtoritajiet governattivi għandhom responsabbiltà kbira li jieħdu azzjoni u jwaqqfu dawn ir-reati serji u tal-mistħija, kif saħqet ukoll il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Meta wieħed ikun jaf bl-għadd dejjem jikber ta' reati ta' mibgħeda li qegħdin iseħħu fis-56 pajjiż membru ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) jagħraf l-importanza u l-ħtieġa ta' appelli simili. L-inċidenza ta' attakki antisemitiċi f'diversi pajjiżi Ewropej, bħal fl-Amerika ta' Fuq, qatt fl-istorja riċenti ma kienet daqstant għolja. L-istess jista' jingħad għall-attakki razzisti u vjolenti kontra ż-żingari u membri oħrajn ta' minoritajiet etniċi jew reliġjużi. Min-naħa l-oħra, il-vjolenza kontra l-Musulmani hija fattur ġdid u potenti fil-mewġa ġdida li dejjem qiegħda titqawwa b'imġiba razzista u turija ta' mibgħeda kontra l-immigranti u wliedhom.

Bħal fil-każ ta' forom oħrajn ta' reati ta' mibgħeda, il-vjolenza omofobika sfortunatament għadha ftit jew xejn tiġi rrapportata. Minkejja dan, f'pajjiżi fejn persuni lesbjani, gay, bisesswali jew transesswali (LGBT) qegħdin isiru dejjem aktar viżibli, iż-żieda fil-preżenza pubblika tagħhom f'ċerti każi ġabet magħha żieda f'dik li hija retorika omofobika u l-użu tal-vjolenza kontrihom.

L-orjentazzjoni sesswali għadha waħda mir-raġunijiet li qegħdin iwasslu biex ħafna persuni jkunu stigmatizzati u opressi, ħafna drabi bl-appoġġ miftuħ ta' xi wħud fil-poter governattiv, kif ukoll minn xi organizzazzjonijiet politiċi u reliġjużi influwenti. Illum il-ġurnata, din l-inklinazzjoni kontra dawk li jiddistingwu ruħhom bl-orjentament sesswali minoritarju tagħhom, qed tkun promossa b'mod qawwi kemm minn mexxejja politiċi estremisti u oħrajn li suppost m'humiex daqstant estremi, kif ukoll minn mexxejja reliġjużi f'diversi pajjiżi fl-Ewropa kif ukoll fl-Amerika ta' Fuq. Biżżejjed insemmu kif diversi attivitajiet, bħalma huma l-Gay Pride Parades, li ġew organizzati fil-jiem li għaddew f'diversi pajjiżi, speċjalment dawk fil-Lvant ta' l-Ewropa, tħallew jispiċċaw fil-mira tal-vjolenza minn persuni privati minħabba nuqqas ta' protezzjoni adegwata mill-pulizija.

Sfortunatament, minkejja li minħabba n-natura tagħhom ħafna mir-reati ta' mibgħeda ma jkunux irrapportati mill-vittmi li jsofruhom, u minkejja n-nuqqas ta' ħeġġa mill-awtoritajiet konċernati li jinvestigaw sew biex jikxfu l-veru mottiv tar-reati billi jistabilixxu jekk fil-fatt min wettaqhom kienx immotivat b'mibgħeda jew preġudizzju kontra l-vittmi, u minkejja wkoll li ċerti akkużi, mill-istadju tal-preżentata sas-sentenza finali, għandhom ħabta jinbidlu bħal-lejl min-nhar, f'dawn l-aħħar ftit snin f'pajjiżna assistejna għal żieda sostanzjali fl-għadd ta' reati ta' mibgħeda. Din hija l-verità tal-fatti anke jekk għadek issib ħafna, inklużi wkoll persuni fil-poter, li jipprovaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel.

Sa ftit snin ilu, il-Liġijiet ta' Malta ma kienu jagħmlu l-ebda riferenza għal reati ta' mibgħeda. Imbagħad, fl-2002, il-Leġislatur bħal donnu ħareġ mill-koma li kien jinsab fiha u daħħal provediment fil-Kodiċi Kriminali li permezz tiegħu, "kull min juża kliem jew imġieba ta' theddid, abbużivi jew insolenti, jew jesebixxi xi materjal miktub jew stampat li jkun ta' theddid, abbużiv jew insolenti, jew xort'oħra jġib ruħu b'dak il-mod, bil-ħsieb li b'hekk iqajjem mibgħeda razzjali jew b'hekk joħloq il-probabbiltà li, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha, titqajjem mibgħeda razzjali, jeħel, meta jinsab ħati, l-piena ta' priġunerija minn sitt xhur sa tmintax-il xahar".

Iżda bħas-soltu, anke miżura pożittiva bħal din ma konniex kapaċi nagħmluha sew, fis-sens li erġajna ħallejniha nofs sajran. Jista' jkun li l-Leġislatur għamel hekk apposta anke jekk forsi diffiċli wieħed jifhem ir-raġuni l-għala attakka biss il-mibgħeda razzjali. Żgur li kellu xi skop biex fil-liġi daħħal nofs miżura. X'inhu dan l-iskop ma nafux kif ma nafux għaliex qed juri dan it-titubar kollu fil-ġlieda bla limitu kontra l-mibgħeda. Qegħdin ngħidu dan għax nafu li kien hemm min ġibed l-attenzjoni tal-Gvern dwar kif l-affarijiet setgħu saru aħjar u ssuġġerilu wkoll kif nistgħu niġġieldu b'mod aktar effettiv kull tip ta' reati ta' mibgħeda f'pajjiżna.

Bħala eżempju nsemmu l-proposti li l-Fondazzjoni Integra, għaqda mhux governattiva Maltija li taħdem qatigħ b'risq persuni emarġinati f'pajjiżna, kienet ressqet lill-Gvern fir-rigward tal-provedimenti fil-Liġi Maltija fejn jidħlu reati li jkunu mmotivati mill-mibgħeda.

Skond il-Kodiċi Kriminali tagħna, il-"mibgħeda razzjali" tfisser "mibgħeda kontra grupp ta' persuni f'Malta definiti b'referenza għall-kulur, razza, nazzjonalità (inkluża ċ-ċittadinanza) jew oriġini etnika jew nazzjonali". Min-naħa tagħha, l-Fondazzjoni Integra ssuġġeriet li din id-definizzjoni tiġi emendata b'mod li tkun tinkludi wkoll riferenza "għat-twemmin, ix-xorta tas-sess jew l-orjentazzjoni sesswali, l-abiltà mentali jew fiżika".

Il-proposti tal-Fondazzjoni Integra jagħmlu wkoll riferenza għall-provedimenti tal-Kodiċi Kriminali dwar offiżi kontra l-persuna, li jinkludu l-qtil volontarju kif ukoll offiżi gravi jew ħfief.

Is-suġġeriment imressaq kien fis-sens li l-każi fejn il-piena stabbilita għandha tiżdied minn grad sa żewġ gradi għandhom jinkludu dawk ir-reati mmotivati għal kollox jew b'mod parzjali, minn ostilità lejn persuna minħabba r-razza, il-post ta' oriġini, opinjonijiet politiċi, kulur, twemmin, ix-xorta tas-sess jew l-orjentament sesswali, l-abiltà mentali jew fiżika tagħha. B'dan il-mod tiġi indirizzata l-kommissjoni ta' reati kriminali diġa' kkontemplati fil-liġi tagħna iżda li l-motivazzjoni speċifika tagħhom hija l-mibgħeda.

Barra minn hekk, apparti li pproponiet l-introduzzjoni ta' provediment ieħor fil-Kodiċi Kriminali li jkun jipprovdi piena għal kull min jinstab ħati li jkun għamel diskors li bih jista' jinċità l-vjolenza, il-Fondazzjoni Integra ssuġġeriet ukoll emenda għall-Kostituzzjoni fejn din tittratta il-protezzjoni tal-libertà ta' l-espressjoni.

Skond il-Kostituzzjoni ta' Malta, "ħadd, ħlief bil-kunsens tiegħu stess jew bħala dixxiplina tal-ġenituri, ma għandu jiġi mfixkel fit-tgawdija tal-libertà tiegħu ta' espressjoni, magħduda libertà li jkollu fehmiet mingħajr indħil, libertà li jirċievi ideat u tagħrif mingħajr indħil, libertà li jikkomunika ideat u tagħrif mingħajr indħil (kemm jekk il-komunikazzjoni tkun lill-pubbliku nġenerali jew lil xi persuna jew klassi ta' persuni) u libertà dwar il-korrispondenza tiegħu".

Is-suġġeriment kien li mal-lista ta' limitazzjonijiet elenkati fil-Kostituzzjoni għat-tgawdija tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni għandha tidħol restrizzjoni fuq diskorsi pubbliċi jew d-distribuzzjoni ta' materjal miktub jew elettroniku jew b'kull mod ieħor ta' komunikazzjoni, li jkun jikkonteni kliem li jinċitaw l-vjolenza, il-krudeltà u mibgħeda bbażati fuq ir-razza, il-post ta' oriġini, opinjonijiet politiċi, kulur, twemmin, xorta tas-sess jew orjentazzjoni sesswali, l-abiltà mentali jew fiżika.

Iżda dawn il-proposti sottomessi mill-Fondazzjoni Integra, bħal dawk imressqin minn għaqdiet oħrajn mhux governattivi, waqgħu f'widnejn torox u bħas-soltu l-Gvern daħħal rasu fir-ramel u għamel li għoġbu jew kif kien jaqbillu. Però issa l-pressjoni fuq il-Gvern biex jiċċaqlaq mhix biss ġejja minn fonti lokali għax l-istess affarijiet, u ħafna aktar, qegħdin jinsistu fuqhom għaqdiet Ewropej li leħinhom u għemilhom kapaċi jasal ħafna aktar.

Għax apparti l-insistenza li saret fil-jiem li għaddew mill-Kummissarju tal-Kunsill ta' l-Ewropa għad-Drittijiet Umani, nistgħu wkoll inżidu dak li fuqu saħqu dan l-aħħar kemm l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet Umani (ODIHR) fi ħdan l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) kif ukoll l-għaqda mhux governattiva Human Rights First li tgawdi rispett u reputazzjoni internazzjonali.

Fost oħrajn dawn qegħdin jgħidu li l-provedimenti tal-liġi fir-rigward ta' reati ta' mibgħeda għandhom ikunu nfurzati mill-ewwel bil-għan li dawn iħallu effett akbar ta' deterrent, waqt li jagħmlu insistena li l-proċeduri għandhom ikunu ddokumentati sew u magħmulin pubbliċi.

Fl-istess waqt, ir-rispons ġuridiku fil-konfront ta' reati ta' mibgħeda għandu jkun sever. Barra minn hekk għandhom jittieħdu passi immedjata biex reati ta' mibgħeda, inkluża l-vjolenza kontra persuni minħabba l-orjentament sesswali jew id-diżabilità tagħhom, għandhom ikunu fost l-aggravji li jwasslu għal żieda fil-piena stabbilita.

Jingħad ukoll li fost il-passi konkreti li għandhom jittieħdu bħala prevenzjoni u reazzjoni għal każi ta' reati immotivati mill-mibgħeda, hemm li għandhom jitwaqqfu korpi għal kontra d-diskriminazzjoni b'mandat wiesgħa u li jkollhom l-awtorità li jindirizzaw vjolenza li tkun immotivata mill-mibgħeda, u dan permezz ta' moniteraġġ, rapportar u assistenza lill-vittmi.

Barra minn hekk, il-Gvernijiet għandhom jistabilixxu relazzjonijiet ta' koperazzjoni mal-komunitajiet minoritarji nfushom u lil dawn għandhom iħeġġuhom iressqu proposti ta' miżuri li jistgħu jittieħdu biex jipprevenu inċidenti ta' mibgħeda u f'każ li dawn iseħħu, jieħdu azzjoni immedjata dwarhom. Miżuri bħal dawn jgħinu biex tissaħħaħ il-fiduċja fi ħdan il-komunità u fl-istess waqt tassigura liċ-ċittadini li rapporti li jsiru dwar reati ta' mibgħeda jkunu segwiti bl-aktar serjetà.

Issir ukoll insistenza li għandu jitjieb l-aċċess tal-vittmi u gruppi ta' difiża għall-proċeduri li jkunu qegħdin isiru fuq l-ilmenti li jitressqu lill-awtoritajiet governattivi. Jintqal li f'dan ir-rigward għandu jsir sforz akbar billi, aktar iva milli le, għadd kbir ta' każi ta' vjolenza mmotivata mill-mibgħeda ma jkunux irrapportati minħabba l-biża u relutanza fost il-vittmi infushom.

Fuq kollox, u apparti dawn il-miżuri konkreti, jinħtieġ li tkun investita enerġija akbar f'dik li hija prevenzjoni – fosthom permezz ta' kampanji li jinfurmaw u jedukaw bil-għan li tkun indirizzata l-injoranza u l-biża' li ħafna drabi tinstab wara x-xenofobija u l-intolleranza. Hawnhekk, skond il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, l-għalliema għandhom responsabbiltà kbira biex jippromwovu soċjetà ta' tolleranza. Hekk ukoll wieħed ma jridx jinsa' lill-midja li wkoll għandha responsabbiltà kbira li ma tispiċċax tintuża bħala mezz għax-xandir u t-tixrid ta' diskorsi u kitbiet ta' mibgħeda, kif ukoll għall-promozzjoni tal-vjolenza.

"Madankollu, hemm xi politiċi li jimminaw sforzi bħal dawn billi jużaw l-pjattaforma tagħhom biex ixerrdu u jisfruttaw il-preġudizzji, aktar milli jqumu favur id-drittijiet umani u r-rispett ta' dawk li huma differenti. B'hekk, huma 'jiġġitimizzaw' l-intolleranza li min-naħa tagħha tistimula diskorsi ta' mibgħeda u reati ta' mibgħeda. Dawn għandhom jinżammu responsabbli", jisħaq Thomas Hammarberg, Kummissarju tal-Kunsill ta' l-Ewropa għad-Drittijiet Umani.

Naħsbu li kull kelma oħra li nżidu ma' din id-dikjarazzjoni tkun tssew żejda…..

No comments:

Post a Comment