Monday 18 August 2008

Illum: Il-kawża ta’ Giovanni Bonello [Imħallef tal Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu]

http://www.illum.com.mt/2008/08/17/interview.html
17 ta’ Awwissu 2008 Nr 94; Julia Farrugia tintervista lill-Imħallef Giovanni Bonello

(Siltiet mill-Intervista)

...Fil-mument f’Malta hawn temi oħra jaħarqu fosthom id-divorzju. Nistaqsieh kif iħares lejn każijiet ta’ Maltin li jħossuhom qed isofru minn inġustizzja minħabba l-kwistjoni tad-divorzju meta għandek sitwazzjoni fejn jekk għandek il-flus iġġib divorzju minn barra u l-Istat jirrikonoxxieh, jekk le tibqa’ ssofri waħdek.

“Se nirrispondik b’mistoqsija oħra. Kien hemm xi Malti li ġab xi kawża quddiem il-Qorti ta’ Malta jew il-Qorti Ewropea għaliex Malta m’għandhiex liġi tad-divorzju? Għadu ħadd m’għamel xejn ħlief tgergir fil-gazzetti. Però s-soluzzjoni li hi l-aktar waħda sempliċi li ssir kawża Malta li fiha targumenta li n-nuqqas ta’ divorzju huwa ksur tal-Konvenzjoni Ewropea ħadd m’għamilha. Jien ma nafx x’kien ikun ir-riżultat. Però seta’ sar tentattiv quddiem il-Qorti li għandha prestiġju kbir,” jgħid l-Imħallef Bonello waqt li jieqaf għal ftit sekondi biss.

“Kieku kien hawn koppja li staqsiet jekk in-nuqqas ta’ divorzju hux konformi mal-Konvenzjoni u jirbħu l-kawża Malta l-problema tagħhom solvuta. Jekk jitilfuha jippruvaw l-aħħar pedina li hi l-Qorti Ewropea. Tal-inqas kien ikollhom riżultat. Din hi bħal tal-liġi tal-kera.”

Hawn jispjega li l-liġijiet tal-kera ilhom jeżistu 80 sena u kulħadd igerger kemm huma antiki mingħajr ma jieħu azzjoni. Sena u nofs ilu fi Strasburgu marru tliet kawżi Maltin fuq il-liġijiet tal-kera.

“Rebħuhom kważi hands down. Hemm l-għodda li mhix qed tintuża. Jien m’għandi l-ebda idea x’kien ikun ir-riżultat kieku saret kawża fuq id-divorzju imma almenu kien hemm il-possibiltà li jkollok ġudizzju li l-Gvern Malti kien ikun marbut bih fejn il-Qorti kienet tgħid li n-nuqqas tal-liġi tad-divorzju hu konformi mal-Konvenzjoni jew mhux konformi magħha. Kien ikun hemm risposta għal din id-domanda.”

Sakemm naħseb fil-mistoqsija li jmiss nistħajjel li wara li l-Ħadd tinqara din l-intervista jkun hemm min jitħajjar jagħmel dan il-pass.

Imma hemm sitwazzjonijiet oħra li tista’ tapplika għalihom l-istess ħsieb? Japplika pereżempju għal żwiġijiet bejn koppji gay?
“L-istess. Hawn qiegħdin fil-periferija l-aktar avvanzata tad-drittijiet tal-bniedem. Int tifhem li dawn problemi li m’hemmx konsensus Ewropew. Fosthom dwar l-istatus ta’ żwieġ ta’ koppji omosesswali. U ma nafx li kieku kellha tiġi kwistjoni quddiem il-Qorti Ewropea liema attitudni tieħu. Il-Qorti ta’ Strasburgu hi pjuttost progressiva. Hi pjuttost liberali. Imma mhux rivoluzzjonarja.
“Id-drittijiet tat-transesswali ġew rikonoxxuti. Kemm id-dritt li l-istat jirrikonoxxi l-identità ġdida tiegħek kif ukoll id-dritt li transesswali jiżżewġu,”
Infakkru li f’Malta riċentement kien hemm il-każ fejn transesswali ma tħallietx tiżżewweġ. Giovanni Bonello segwa dan il-każ u bla tidwir ta’ kliem iwieġeb:
“Naf, naf. Imma ma nafx kinux jafu bis-sentenzi ta’ Strasburgu. Ma nafx. Jew forsi kienu jafu bihom u ma qablux magħhom. Għandhom kull dritt.”

...

No comments:

Post a Comment