Monday 14 July 2008

It-Torċa: Wara 17-il sena midfun f’qabar jitlob ‘l Alla jagħmlu normali…Jitratta kwistjonijiet ikkomplikati u jaqsam lill-udjenza bid-daħk

www.it-torca.com (Dan l-artiklu mhux fuq is-sit s'issa)
13 ta' Lulju 2008

Minn
SAMMY SAMMUT

Minn natura tagħhom, diffiċli li tittratta kwistjonijiet ikkomplikati, u aktar li tnissel tbissima fuq fomm dak li jkun meta tagħmel dan. Għal Peterson Toscano, din il-ħaġa m’hi xejn diffiċli, anzi meta jitla’ fuq palk u jitkellem bis-serjetà dwar problemi jaħarqu u diffiċli, bl-aktar mod naturali kapaċi jifqa’ lill-udjenza bid-daħk. Meqjus bħala fula f’qargħa fost professjonisti fil-kamp artistiku tiegħu, diffiċli tirrikonċilja l-fatt li dan il-bniedem għamel aktar minn sbatax-il sena metaforikament midfun f’qabar, jitlob ‘l Alla jagħmlu normali u nefaq $30,000 fi tliet kontinenti f’attentat iddisprat li jibdel jew għallinqas jgħakkes l-orjentament sesswali tiegħu.

Għax minkejja dan il-konflitt kollu, Peterson Toscano illum il-ġurnata huwa magħruf sew għall-ħiliet tiegħu bħala poeta, attur, kittieb tal-kummiedji, stand-up comedian, attivist omosesswali u fuq kollox huwa Nisrani devot. U b’artistrija komika mill-aqwa, il-mod mhux tas-soltu ta’ kif iħares u jinterpreta l-affarijiet, iħalli impatt kbir fuq l-udjenza u jisirqilha l-attenzjoni sħiħa tagħha, jekk mhux ukoll qalbha.

U din forsi hija l-isbaħ ħaġa tax-xogħlijiet teatrali tiegħu għax mhix is-sura tradizzjonali ta’ kif wieħed iwassal il-messaġġ tiegħu. Fil-veru sens tal-kelma, joffri esperjenza, mimlija daħk u mumenti ta’ intimità u ta’ sorpriża li jolqtu l-għeruq profondi tal-pubbliku li jkollu quddiemu. L-istorja unika ta’ ħajtu ħaditu f’postijiet tal-ġenn u laqqgħetu ma’ sitwazzjonijiet li kapaċi jkissruk fil-veru sens tal-kelma, iżda minkejja kollox irnexxielu joħroġ minn dan kollu b’tama u serenità. Għal ħafna, dan jista’ jidher bħala misteru, iżda il-mod ta’ kif jaqsam l-esperjenzi tiegħu, jikxef ħafna mill-veritajiet li mhux ftit huma dawk li jaħbuhom u josstruhom minn dawk ta’ madwarhom.

Meqjus bħala avveniment uniku għal pajjiżna, issa l-pubbliku Malti se jingħata l-opportunità li jara u jisma’ lil Peterson Toscano jippreżenta tnejn mill-aqwa xogħlijiet teatrali tiegħu: ‘The Re-Education of George W. Bush’ u ‘Transfiguration – Trangressing Gender in the Bibble’. Dan se jsir bl-inizjattiva tal-grupp Drachma bil-kollaborazzjoni sħiħa ta’ Warehouse No. 8, nhar il-Ġimgħa, 18 u s-Sibt, 19 ta’ Lulju.

Konflitt intern

Imwieled fl-Amerika minn ġenituri ta’ dixxendenza Taljana fis-17 ta’ Frar, 1965, Toscano beda jikkumbatti kontra l-konflitt intern li beda jħoss sa minn żgħoritu. Bilkemm kellu tlettax-il sena li l-ġibdiet li beda jħoss lejn persuni ta’ l-istess sess tiegħu ma nisslux fih biża’ kbir għax dejjem kien mgħallem li dawn huma affarijiet "maħmuġin" u "xejn naturali".

Is-sens ta’ ħtija li beda jħoss wasslu biex jagħmel it-tagħlim tal-Knisja fiċ-ċentru ta’ ħajtu. Beda jħares lejn id-devozzjoni li kellu lejn il-Knisja kemm bħala speċi ta’ ribelljoni kontra l-fidi mhux daqstant qawwija tal-familja konservattiva tiegħu, kif ukoll irtirata mix-xewqat sesswali li kellu. Beda jagħti aktar importanza lill-kelma miktuba milli lit-tifsira tagħha u qatta’ ħinijiet twal il-knisja fejn sar ukoll membru attiv ta’ organizzazzjoni taż-żgħażagħ tagħha. Jgħid li ta’ ħmistax-il sena, waqt li kien fil-kamra tiegħu, ħass il-preżenza ta’ Alla u dan l-inkontru saħħaħlu aktar il-fidi tiegħu.

Wasslu wkoll biex fetaħ qalbu ma’ żewġ nisa li bħalu kienu jiffrekwentaw il-knisja u dawn, waqt li qalulu li kien "twieled mill-ġdid", għamlulu l-kuraġġ biex ikellem lill-qassis responsabbli mill-parroċċa tagħhom. Hekk kif sema’ bit-taqbida li kellu kontra l-orjentament sesswali tiegħu, il-qassis ħadu taħt idejh u beda jagħtih il-pariri u jgħinu jimmemorizza partijiet sħaħ mill-Bibbja b’mod li biddillu għall-kollox il-mod ta’ kif kien iħares lejn il-ħajja ta’ madwaru.

Għall-ewwel beda jaħseb li kull ma ried jagħmel kien li jimla’ ħajtu b’Ġesù u bil-Bibbja, u jibdel ix-xewqat ħżiena b’dawk tajbin. Kien jisħaq miegħu nnifsu li assolutament ma riedx ikun persuna gay għax kien jemmen li dawn jgħixu ħajja ta’ dnub, ħajja li ma kienetx normali, u hu ried li jkun tifel tajjeb. Iżda, minkejja li ma kienx jitlef attività organizzata mill-knisja li kien jiffrekwenta u minkejja l-biżibilju ta’ kotba li qara dwar l-omosesswalità, xorta waħda baqa’ jħoss il-ġibdiet sesswali għal persuni ta’ l-istess sess tiegħu u sab li aktar ma kien jipprova jgħakkishom, inqas kien qed jirnexxielu.

Ta’ sbatax-il sena rrealizza li dan kollu ma kien qed iservih għal xejn, u għalhekk irrikorra għand professjonisti fi ħdan il-Knisja biex jidderieġuh huma. U minn hawn beda l-vjaġġ tiegħu mifrux fuq kważi 20 sena li ħadu f’Żambja, l-Ingilterra u l-Ekwador. Nefaq aktar minn $30,000 f’sessjonijiet ta’ terapija u saħansitra għamlulu tliet eżorċiżmi b’tama li joħroġ minn ġo fih il-ħażen li kien jemmen qed jikkontrollalu ħajtu.

Jaħrab it-tentazzjoni

Billi dejjem xtaq li jsir attur u kittieb ta’ drammi, huwa daħal l-Università ta’ New York fejn studja t-teatru u l-letteratura Ingliża. Kien iggradwa mis-City College ta’ New York u beda jagħmel xogħol teatrali professjonali, meqjus bħala avant garde, fi New York. Iżda meta sab li ħafna minn dawk li kien qed jaħdem magħhom kienu ta’ orjentazzjoni omosesswali, għażel li jabbanduna t-teatrali biex jaħrab kull tentazzjoni li tpinġih ikraħ quddiem Alla.

Baqa’ jgħix fi New York u meta kellu 25 sena żżewweġ mara għax kien jemmen f’dak li tgħid il-Knisja, li l-mirakli jseħħu għax Alla jista’ kollox. U dan iż-żwieġ miraklu kellu bżonn biex jirnexxi għax fil-verità hu ma kienx sesswalment miġbud lejn in-nisa. Il-miraklu tant mixtieq u mistenni, baqa’ ma seħħx u ż-żwieġ tiegħu tfarrak wara li ħoloqlu ħafna aktar problemi u uġiegħ milli solvihomlu.

Qabel dan seħħ, iżda, huwa mar bħala missjunarju f’Żambja fejn kien responsabbli mill-programmi tad-drama fuq ir-radju. Issa li tkun raġel miġbud lejn irġiel oħrajn, tkun tgħix f’Żambja u taħdem għal missjoni Kristjana, żgur li ma kienetx ir-riċetta ideali tant li wara ftit taż-żmien spiċċa biex kellu jaħrab minn hemm għax f’Żambja kienet ħaġa illegali li tkun gay.

Matul dawn is-snin kollha, Peterson Toscano kien iħoss li qed jgħix f’qabar, jiġġieled b’saħħtu kollha kontra l-ġibdiet sesswali tiegħu lejn irġiel oħrajn bħalu, jitlob lil ‘l Alla li jagħmlu "normali". Meta sab ruħu maqbud fi sqaq li ma jinfidx, irrikorra għall-aħħar tama li kellu, dik li jidħol jagħmel programm terapewtiku residenzjali ‘Love in Action’ li matul is-sentejn li għamel hemmhekk, ħadu fi New York, Colorado, l-Ingilterra, Tennessee u l-Ekwador. Kien iħoss li din kienet l-aħħar opportunità fit-taqbida tiegħu li jsib il-fejqan mill-ġibdiet omosesswali tiegħu.

Maqtugħ minn kważi l-bqija tad-dinja, hawnhekk għex ħajja iebsa u kellu jieħu sehem f’attivitajiet li jwaħħxu, iżda minn dan kollu ma qatax qalbu għax kien jemmen li bit-talb u b’dak kollu li kien qed jiġi sottomess li jagħmel, kien se jbiddel l-orjentament sesswali tiegħu, għallinqas hekk kienu ttambrulu f’moħħu. Minn dan il-programm kien iggradwa b’suċċess iżda kellu jirritorna wara ftit xhur, għax kien reġa’ waqa’, fejn għamel programm ieħor ta’ erba’ xhur.

Iqum mill-koma

Reġa ħareġ b’determinazzjoni kbira li jwettaq fil-prattika dak kollu li tgħallem, sakemm għodwa waħda fis-sena 1999, qam mill-"koma" li kien fiha u rrealizza li dak kollu li għamel u li kien qed jipprova jagħmel, ma kien xejn ħlief process li kien qiegħed, fil-veru sens tal-kelma, iġennu bil-mod il-mod. Wasal għall-konklużjoni li xejn ma kien qed jaħdem. Il-bidla ma kienetx possibli, għallinqas mhux bidla fl-orjentament sesswali. Iżda matul is-snin kollha li pprova jinbidel, fil-fatt kien inbidel. Sar persuna suwiċida, mimli mistħija u mibgħeda lejh innifsu. Il-proċess terapewtiku minflok bidlu f’persuna eterossesswali, fil-fatt kien kissru emozzjonalment u psikoloġikament. Kien fillġu fiżikament, neżżgħu minn kull dinjità, seraqlu kull nitfa ta’ kuraġġ u tefgħu f’dispressjoni qawwija. Kien process li kkawżalu ħsara emozzjonali, psikoloġika u spiritwali.

Wara li ammetta li kien qed jgħix f’gidba miegħu nnifsu u ma’ dawk ta’ madwaru, aċċetta li fl-aħħar mill-aħħar kien persuna gay u hekk, bl-għajnuna tal-familja u l-ħbieb tiegħu, beda jgħix ħajtu mill-ġdid. Għalkemm għall-bidu kien diffiċli għalih, huwa reġa’ sab lil ‘l Alla. Reġa beda jikteb xogħlijiet għat-teatru u l-ewwel biċċa xogħol kienet imsemmija "Footprints: An Inspirational Comedy", meditazzjoni komika fuq il-poeżija magħrufa "Footprints in the Sand".

Dan kien il-bidu f’mixja li tulha qatt ma ħares lura. Fil-kitbiet tiegħu huwa ispirat mill-poeżija, mill-Bibbja u kitbiet oħrajn kif ukoll intervisti estensivi. Huwa ppreżenta x-xogħlijiet teatrali tiegħu tista’ tgħid fl-istati kollha ta’ l-Amerika ta’ Fuq, fil-Kanada u fl-Ewropa, waqt li jidher regolarment fuq it-televiżjoni Amerikan u anke f’films. Deher ukoll fil-film dokumentarju ‘Fish Can’t Fly’, li jesplora l-konflitt li ħafna lesbjani u gays kellhom mal-fidi Nisranija tagħhom.

Fis-sena 2003 kien ippreżenta s-satira "Doin’ Time in the Homo No Mo Halfway House’ dwar l-esperjenzi tiegħu fil-programm ex-gay, ‘Love in Action’, fejn jinterpreta sitt personaġġi differenti. Xogħlijiet oħrajn jinkludu fost oħrajn ‘Queer 101’, ‘How the Indians Discovered Columbus’, ‘The Re-Education of George W. Bush’ u ‘Transfigurations – Transgressing Gender in the Bibble’.

F’Malta wkoll

Fis-sena 2007, flimkien ma’ Christine Bakke li wkoll kienet għamlet il-programm terapewtiku ‘Out of Love’, Peterson Toscano illanċja ‘Beyond Ex-Gay’ (bXg), riżorsa on-line li jgħin persuni oħra li għamlu programmi terapewtiċi simili. Hu regolarment ikun mistieden jitkellem f’konferenzi nazzjonali dwar il-ħsara li jistgħu jikkawżaw terapiji mmirati li jbiddlu l-orjentament sesswali ta’ persuni lesbjani u gay. Fl-preżent, huwa jgħix f’Hartford, Connecticut, u huwa membru attiv ta’ l-għaqda reliġjuża Religious Society of Friends (Quaker).

Kien bl-inizjattiva tal-grupp LGBT Kattoliku, Drachma, li Peterson Toscano aċċetta b’ċerta ħerqa li jiġi wkoll Malta fejn, b’kollaborazzjoni sħiħa ma’ Warehouse No. 8, se jippreżenta għall-ewwel darba lill-pubbliku Malti tnejn mill-aqwa xogħlijiet teatrali tiegħu fit-teatru Warehouse No.8, fil-Marsa. Il-biljetti qegħdin jinbiegħu bil-prezz ta’ €11 kull biljett jew €15 għaż-żewġ rappreżentazzjonijiet.

Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Lulju, huwa se jippreżenta ‘The Re-Education of George W. Bush’ fejn permezz tad-diversi karattri maħluqin u maħdumin minnu, jagħti lezzjoni lil George Bush u lill-udjenza tiegħu dwar: l-istorja, il-gwerer, il-privileġġ tal-kulur tal-ġilda, l-ambjent, is-sessiżmu, il-qari żbaljat tal-Bibbja, l-umanità u ħafna aktar.

L-għada, is-Sibt, 19 ta’ Lulju, ikun imiss li tkun ippreżentata l-kummiedja ‘Transfigurations - Transgressing Gender in the Bible’. Hawnhekk, Petreson Toscano jagħti ħarsa mhux tas-soltu lejn l-iskrittura Ebrajka u dik Nisranija, bl-attenzjoni tiegħu mitfugħa fuq karattri transesswali jew tax-xorta ta’ sess omosesswali, liema individwi huma magħrufin jew mhux daqstant magħrufin iżda li kellhom sehem kbir fil-ġrajjiet irrakkontati fil-Bibbja.

"L-iskop tiegħi huwa li indaħħak lin-nies sakemm ma jkunux jifilħu jidħku aktar u jkun f’dan il-mument li b’mod niġġiż noħroġ fid-deher l-umaniżmu ta’ l-esperjenza omosesswali u nikxef l-uġigħ li jħossu dawk li b’mod iddisprat iridu jew jixtiequ jkun xi ħaġa li m’humiex", jispjega Peterson Toscano.

No comments:

Post a Comment