Sunday 17 February 2008

Interview with Illum

http://www.illum.com.mt/2008/02/10/interview.html

Aħbarijiet | 10 ta’ Frar 2008 Nr 67

L-ewwel kandidat dikjarat gay

Julia Farrugia tintervista lil Patrick Attard

Il-karti tiegħu huma kollha fuq il-mejda, anke jekk għal xi wħud huma suġġetti ta’ tabù.
Patrick Attard hu wieħed mill-uċuh ġodda f’din l-elezzjoni ġenerali. Imma mhux biss.
Għall-ewwel darba se jkun hemm kandidat li fil-beraħ qed jiddikjara li hu gay.
Attard għandu 28 sena, hu inġinier u għandu dottorat fis-suġġett. F’din l-elezzjoni se jikkontesta fuq il-Ħames u t-Tnax-il distrett f’isem l-Alternattiva Demokratika.
Anke jekk f’ħafna mill-waqtiet hu bniedem b’bixra ta’ ġwejjed, xi kultant dan iż-żgħażugħ ifaqqa’ dawk l-argumenti li joffru għadma għall-avversarji.
“Lawrence Gonzi fil-billboards qed jgħidilna ‘Flimkien Kollox Possibbli’. Imma lil Gonzi ma tarahx ma’ xi koppja gay jew ma’ xi koppja li għaddejja minn separazzjoni. Jiġifieri eluf kbar ta’ nies diġà huma minsijin,” jargumenta.
“Spiċċatli l-ammirazzjoni li kelli lejn iż-żewġ membri Parlamentari Nazzjonalisti Ewropej. Kont nammira ħafna lil David Casa u Simon Busuttil kien prattikament l-eroj tiegħi. Imma issa din l-ammirazzjoni lejhom spiċċat. Simon Busuttil f’April ta’ l-2007 ipprova jneħħi riżoluzzjoni fuq l-omofobija u David Casa ivvota kontra riżoluzzjoni li tikkundanna l-qtil u l-vjolenza fuq il-gays. Dawn affarijiet ma jitwemmnux meta mbagħad jirriżulta li Casa jmur f’gay bars. Casa jgħid li jmur f’dawn il-bars fuq attivitajiet politiċi imma nistaqsi: liema grupp ta’ drittijiet tal-gays jistiednu lil xi ħadd bi track record li ma jikkundannax il-qtil tal-gays?” jinsisti Attard.
Il-kandidat isostni li f’Malta hawn mal-15,000 votant li huma LGBT (lesbjani, gays, bisesswali jew transesswali) u magħhom hemm ukoll eluf ta’ persuni oħra li isseparaw u jħossuhom imwarrba mill-partiti l-kbar.
“Din tad-divorzju hi kwistjoni oħra,” jgħid Attard.
Jgħaddi xi ħadd u jsellem lill-inġinier. Jieqaf għal ftit imbagħad jgħidli: “Jien nifhem il-gaġġa ta’ Frans Sammut.”
Nistaqsieh għaliex?
“L-istudji juru li biex ekonomja taħdem u tirnexxi hemm it-tliet Ts. Dawn huma t-talent, it-teknoloġija u t-tolleranza,” jispjega Attard.
“Aktar mas-soċjetà tkun miftuħa aktar in-nies ikunu komdi u joħorġu l-aħjar tagħhom. L-Alternattiva Demokratika hu l-uniku partit li mhux qed jgħaddi lil dawn il-persuni biż-żmien. Aħna mhux qed induru mal-lewża kif qed jagħmlu l-partiti l-kbar.”
Hawn il-vleġġa ddur fuq il-Partit Laburista.
“Id-dokument fuq il-familja li ippreżenta s-sena l-oħra l-MLP hu ambigwu. Jien ma fhimtux. U dan minbarra l-fatt li fil-Partit Laburista għandek nies bħal Adrian Vassallo li veru huma konservattivi,” jinsisti Attard.
Dan il-kumment jgħaddih fid-dawl tal-fatt li waqt il-programm Xarabank kien wera l-fehma tiegħu mhux wisq favur il-persuni gay.
“U l-Azzjoni Nazzjonali ta’ Josie Muscat huma kontra l-komunità tal-gays. Imma ta’ l-inqas dawn huma ċari. Tkun taf fejn int magħhom,” ikompli l-kandidat ta’ l-Alternattiva Demokratika.
Nistaqsieh jekk allura jippreferix lill-AN mill-partiti l-kbar.
“Żgur li le. Ma jogħġbunix l-argumenti ta’ l-Azzjoni Nazzjonali speċjalment l-artikli li jtellgħu fl-internet dwar il-politika barranija.”
Iżda x’kien il-fattur li ġibed lill-inġinier lejn l-Alternattiva Demokratika?
“Bejn l-2003 u l-2005 kont fil-Kumitat tal-Gaypride ta’ Stuttgard fil-Ġermanja. Kien f’dan il-pajjiż li jien studjajt u ġibt id-dottorat. Imbagħad lura Malta fl-2007 kont membru tal-Kumitat tal-Malta Gay Rights Movement u wieħed mill-organizzaturi tal-Gay Pride ta’ Malta.
“Dakinhar kien ġie Harry Vassallo, Chairperson ta’ l-Alternattiva, u għamel diskors. Li jiġi Kap ta’ partit għalija kienet sinċerament impressjonanti. Sa dak iż-żmien ma kontx naf wisq fuq l-AD. Bdejt naqra u nara x’qed joffru bħala partit u għoġobni. Urejt l-interess li nagħti sehmi fl-Alternattiva Demokratika u aċċettawni,” fisser Attard.
Imma ma jiddejjaqx li se joħroġ ma’ partit li ilu 18-il sena jipprova jtella’ siġġu fil-Parlament?
“Le, lanqas xejn għax jien naqbel mija fil-mija mal-prinċipji ta’ l-Alternattiva Demokratika.
“Jien bniedem riżervat. Jekk nitilfu dan iċ-ċans, iċ-ċans li jmiss ikun ħames snin oħra. Din hi l-motivazzjoni tiegħi.”
Meta tiltaqa’ wiċċ’imbwiċċ ma’ dan il-kandidat tħoss forsi xi ftit mistħija li wieħed jista’ jattribwiha għal dan il-fattur ta’ riżerva. Imma fuq punt partikolari l-inġinier waqt l-intervista joħroġ b’ċerta saħħa li tista’ ssarraf ta’ theddida għaż-żewġ partiti l-kbar speċjalment fuq it-tema tal-gays.
“Jien nifhem li hemm persuni li huma akkaniti għall-Partit Laburista jew għall-Partit Nazzjonalista. L-Alternattiva Demokratika qed tgħid li fl-elezzjoni ġenerali anke n-numru 2 hu importanti għalina.”
X’inhi l-fehma tiegħu dwar il-fatt li hawn ħafna nies fil-politika, preżentaturi u kantanti li huma gay imma bħal donnhom jibżgħu juru li huma hekk meta bil-kariga tagħhom jistgħu jgħinu f’din il-kwistjoni? Hi ipokrezija din?
“Għandek punt. Imma preżentatur, kantant, hairdresser jista’ jitlef minn negozju tiegħu. Nifhimhom. Imma tista’ tirbaħ ukoll u dan hu fatt. Hi sikkina taqta’ miż-żewġ naħat. Jien nixtieq naslu f’punt li ma jkolli qatt għalfejn nikteb li jien gay,” isostni.
Mistoqsi jekk hix biss it-tema tal-gays li tgħaqqdu ma’ l-AD l-inġinier iwieġeb li le u jelenka numru ta’ prinċipji fosthom “il-liġi nġusta tal-kera.”
“L-Alternattiva Demokratika kontra l-abort u kontra l-qtil tal-għasafar. Dawn huma kollha fatturi li ġibduni lejn dan il-partit,” iwieġeb Attard.
Għall-mistoqsija ta’ x’inhuma fil-fehma tiegħu t-temi ewlenin li se jrebbħu jew itellfu lill-partit fil-Gvern, il-kandidat ta’ l-AD isostni hekk: “Ma rajt l-ebda kwistjoni partikolari.”
Lanqas pereżempju l-kwistjoni tad-dawl u l-ilma? Is-surcharge ma naffritx kemm Laburisti kif ukoll Nazzjonalisti?
“Ħa nkellmek bħala inġinier issa u mhux bħala kandidat. 40 fil-mija ta’ l-enerġija tinħela biex insaħħnu l-ilma. Jien naħseb li bir-rata li mexjin biha għad fadlilna xi 40 sena biex kull dar f’Malta jkollha s-solar water heaters,” jispjega Attard.
“Hemm bżonn inċentivi biex aktar nies jixtru s-solar heaters. Kieku jien indaħħal dan l-inċentiv: il-Gvern jagħtik l-apparat b’xejn. Imbagħad int tintrabat miegħu li sakemm tifdieh tħallas pereżempju €25 fix-xahar.”
Fuq temi ambjentali jsemmi punti oħra fosthom il-ħtieġa li dan il-pajjiż jindirizza darba għal dejjem il-problema tat-trasport.
“Ħafna jmorru għax-xogħol waħedhom. Irid ikun hemm inċentivi fuq muturi. L-ewwel iżda t-toroq għandhom ikunu rranġati biex ineħħu l-periklu għas-sewwieqa. Imbagħad għandu jkun hemm tnaqqis fit-taxxa tar-reġistrazzjoni,” ikompli Attard.
Bi żball indur f’daqqa u jirnexxieli naqleb it-tazza, flixkun u xi ħaġa oħra minn fuq il-mejda. Bix-xorti kienu vojta għax diġà kont qed nimmaġina x’impressjoni tajba seta’ ħa dan il-kandidat fl-ewwel intervista li se tberiklu l-karriera politika tiegħu.
Lura għall-argumenti politiċi.
“Il-poplu mexa ħafna f’dawn l-aħħar ħames snin imma l-politikanti għadhom lura,” jargumenta ż-żgħażugħ.
“L-Alternattiva Demokratika hi l-uniku partit sekulari u fuq dan żgur li hi l-uniku partit alternattiv li jieħu ħsieb temi li l-partiti l-oħra dejjem beżgħu imissu magħhom.”

No comments:

Post a Comment